L-attakki tal-qawwiet Russi fuq il-belt Ukrena ta’ Mariupol tant saru intensivi li qed ifakkru fl-assedju storiku ta’ Stalingrad ( ara ritratt) , meta n-Nażisti ta’ Adolf Hitler kienu nvadew l-eks Unjoni Sovjetika matul it-Tieni Gwerra.
Il-battalja ta’ Stalingrad (1942-43) għenet biex it-Tieni Gwerra Dinjija tibda ddur favur l-Alleati, inkluża r-Russja. Iżda llum huma t-tankijiet tal-gwerra u l-artillerija Russa li qed jiċċirkondaw iċ-ċivili f’Mariupol, bl-attakki fuq din il-belt tal-port jidħlu fit-tielet jum.
Hu minnu li Mariupol spiċċat suġġetta wkoll għall-attakki mill-ajru – u għalkemm l-Armata Ukrena baqgħet iżżomm il-pożizzjonijiet fil-periferiji, din ma tista’ tagħmel xejn kontra l-bumbardamenti fuq il-belt. Intant, ir-residenti f’Mariupol spiċċaw iżolati, fost indikazzjonijiet li kull siegħa tal-assedju qed tipproduċi l-għexieren tal-mejtin.
L-attakki intensivi fuq Mariupol qed isiru sigħat wara li r-Russi ħatfu l-kontroll tal-belt ta’ Kherson. Sadanittant, ir-residenti f’Mariupol jinsabu wkoll mingħajr ilma u dawl, bl-awtoritajiet lokali qed jippruvaw iwasslu għall-evakwazzjoni effettiva taċ-ċivili minn din il-belt. Madankollu, għad mhemmx ftehim ċar dwar ir-‘rotot umanitarji’potenzjali.
//= $special ?>

