Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘L-ebda miri militari li jiġġustifikaw l-attakki fuq Chernihiv’

Iċ-ċivili fil-belt ta’ Chernihiv, fin-naħa ta’ fuq tal-Ukrajna, qalu li spiċċaw taħt xita ta’ balal u bombi mill-qawwiet Russi li fetħu baraxx bla ħniena fuq iz-zoni residenzjali tal-belt u ta’ bliet oħrajn fil-viċin.

Il-popolazzjoni ċivili f’Chernihiv qed ikollhom jgħixu qalb ix-xelters u f’zoni oħrajn ‘taħt l-art’ huma u jakkużaw lir-Russi b’li qed jattakkaw lill-komunitajiet sħaħ ta’ Ukreni li mhumiex armati.

Ir-residenti f’Chernihiv, intant, qed jinsistu li mhemm l-ebda miri militari fl-inħawi tagħhom u li r-Russi ‘qed jibbumbardjaw liċ-ċimiterji, bini residenzjali, bini ta’ sptar u l-kliniċi f’din il-belt.

Dan ukoll waqt li l-ajruplani tal-gwerra Russi komplew iżidu l-kalvarju taċ-ċivili f’Chernihiv bħala parti mill-eskalazzjoni tal-attakki mill-ajru fuq l-Ukrajna. Intant, mifhum li mietu talanqas 50 resident ta’ Chernihiv, bil-qawwiet ta’ Vladimir Putin qed jassedjaw ukoll liz-zoni residenzjali f’Mariupol, Borodyanka u Kharkiv.