Lokali Qorti

Il-Ministru Carmelo Abela u l-PBS ifarfru fil-kawża kontrihom mill-PN: Iċ-Chairman tal-PBS ifaħħar il-proġett tal-‘flyover’ tal-Marsa

Il-Ministru Carmelo Abela responsabbli mix-xandir nazzjonali kif ukoll il-Management tal-PBS farfru kemm felħu dwar l-iżbilanċ li kkommettew fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista. Minkejja li anke l-Awtorità tax-Xandir skopriet li seħħ żbilanċ u ordnat rimedju, xhieda fil-Qorti fil-kawża li qed jagħmel il-PN, il-Ministru Abela, u persuni mill-Management, meta ppressati mill-Avukati tal-PN farfru kemm felħu billi għad-diversi mistoqsijiet qalu li huma ma kellhom x’jaqsmu xejn, bil-Ministru nniffsu jgħid li hu ma jindaħalx lill-PBS fil-qadi ta’ dmirijietha.

Minn naħa tiegħu Mark Sammut, Chairman Eżekuttiv tal-PBS, li qal li ilu fil-kariga sa minn April li għadda l-ewwel qal li hu m’għandux x’jaqsam, u wara tenna bil-qawwa kollha li ma qabilx mad-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir li deherilha li saret propoganda eċċessiva minn naħa tal-Gvern fuq il-ftuħ tal-‘flyover’ tal-Marsa.

Mhux talli hekk, talli huwa qal fil-Qorti li dan kien proġett kbir għall-pajjiż għax għaqqad diversi lokalitajiet. U minkejja li qal li ma kellux x’jasqam mad-deċiżjoni li l-PBS ddum ma xxandar it-tweġiba tal-PN u li l-ispots tal-PN f’każ ieħor kien saru bejn spots partigġani tal-Partit Laburista, ammetta li kien wara tliet xhur li l-PBS obda l-ordni tal-awtorità u dan wara li l-PBS qala’ multa. Ingħad ukoll li kien hemm kontestazzjoni minn naħa tal-PBS fuq id-deċiżjoni tagħha.

Il-kawża Kostituzzjonali qed issir mill-PN kontra l-PBS u  kontra l-Ministru Carmelo Abela responsabbli mix-xandir nazzjonali u l-Avukat tal-Istat se ssir sabiex kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu u biex ikun żgurat li l-iżbilanċ fix-xandir tal-istat ma jibqax għaddej.

F’kawża, li l-Ġimgħa ħadet erba’ sigħat, din kienet għal darba oħra kkaratterizzata minn strateġija minn naħa tad-difiża tal-istazzjon nazzjonali biex jittawwal il-proċess, tant li l-Imħallef Grazio Mercieca li quddiemu qed tinstema’ l-kawża fakkar li din hija kawża li qed tinstema’ b’urġenza.

Mix-xhieda rriżulta li l-ogħla uffiċjali tal-PBS tħabtu biex jispjegaw eżatt min ħa żewġ deċiżjonijiet li wasslu lill-Partit Nazzjonalista biex jiftaħ kawża kostituzzjonali kontrihom fuq bażi ta’ coverage “inġust L-ewwel xhud kien il- Ministru Carmelo Abela li qal li mhux fir-remit tiegħu li jieħu passi fil-konfront tal-PBS meta damet tliet xhur biex isegwi direttiva ċarissima tal-Awtorità tax-Xandir.

Mistoqsi jekk ħax xi inizjattivi biex il-PBS jaderixxu mad-direttiva oħra fuq ‘spots’ ta’ natura politika tal-PN, li kienet ‘counter attacked’  b’żieda fenomenali ta’ spots mill-Partit Laburista, qabel u wara, l-Ministru qal li ma jindaħalx fuq l-aspetti editorjali.

Abela qal li l-importanti li l-ordni ġiet eżegwita, anke jekk tard. Qal li l-PN qatt ma talbu biex id-deċiżjoni tiġi eżegwita.   Huwa ammetta li ma għamel xejn. Tenna wkoll li l-Awtorita tax-Xandir ma qaltlux bid-deċiżjoni li ħadet. Xehed ukoll Charles Dalli , Chief Operations Officer tal-PBS li qal li ilu fil-kariga minn April li għadda.

Tenna li fit- 22 ta’ Diċembru li għadda inħatar Editor in Chief, post li qabel kien f’idejn Norma Saliba, li llum ir-rwol tagħha huwa biss ta’ Head of News biss. Dwar l-ilment f’April rigward servizz tal-PN li kellu joħroġ u ma ġiex implimentat fejn saħansitra kienet imponuta multa, Dalli qal li ma daħalx fiha. Huwa qal li fil-‘Managements Meetings’ ma jiġix trattat l-aspett editorjali u li hu ma kienx involut.

Dalli reġa’ kien mgħajjat biex jixhed lejn l-aħħar, anke minħabba li kemm l-avukati tal-PN, kif ukoll fi stanza minnhom il-Qorti rrimiarkaw li jidher li ħadd m’għandu r-responsabbilita. Fil-fatt l-Avukat Francis Zammit Dimech, li flimkien mal-Avukat Paul Borg Olivier qed jidhru għal PN, f’talbali għamel staqsa; “min ħa d-deċiżjoni dwar ir-reklami politiċi (spots) li mbgħad spiċċaw irduppjaw u li tal-PN spiċċaw sandwiched ma’ dawk tal-PL. Min ħa d-deċiżjoni biex ir-reklami politiċi tal-Gvern jixxandru, anke jekk tal-PBS qed issejjħulhom ‘fillers ‘għal xahar u aktar, u li jixxandru kuljum, qabel u wara dawk tal-PN, relatati mal-Budget.

Jikkontestaw d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir

Xhud ieħor kien Mark Sammut, Chairman Eżekuttiv tal-PBS. Mistoqsi mill-Avukati Zammit Dimech u Borg Olivier dwar deċiżjoni ta’ propoganda eċċessiva marbuta mal-ftuħ tal-‘fly over’ tal-Marsa, u x’għamel biex il-PN jingħata spazju, huwa wieġeb li dan ma kienx fir-‘remit’ tiegħu. Minkejja li ma kienx mistoqsi fuq dan, huwa kkummenta li ma qabilx mad-deċiżjoni tal-Awtorità.

“Din kienet aħbar ta’ interess  nazzjonali u minkejja li ma kellhiex x’naqsam ma qbiltx mad-deċiżjoni,” qal ix-xhud. Saħaq li huwa għandu biss rwol amministrattiv u m’għandux jaqsam. “Lanqas biss intellagħha Bord., din il-‘fly-over’ tgħaqqad lil Malta” huwa rrepeta. , Mistoqsi x’għamel biex l-ordni tiġi mplimentata fil-ħin. X’passi ħa biex tkun segwita, u wara li qabel qal li mhux fir-‘remit’ tiegħu, tenna li l-ewwel ħadu parirfuq x’se jaggħmlu fuqha,

Fl-istess nifs qal li ma ħa l-ebda deċiżjoni minn naħa tiegħu. L-Avukat Paul Borg Olivier qal li jinsab ixxukkjat kif il-Kap Eżekuttiv tal-PBS qed jgħid li ma jidħol f’xejn u ma sar xejn mill-istazzjon biex jimxi skont l-obbligi li hemm fil-liċenzja, u dan skont il-liġi u l-kostituzzjoni biex iħares l-istess ordni mogħtija,.  Hawn ix-xhud reġa’ qal li mhuwiex ir-rwol tiegħu u ma jafx x’ġara.  

Wara xehedet Norma Saliba, Head of News tal-PBS.  Qalet li ma tafx għaliex inbidlilha r-rwol tagħha fl-istazzjon nazzjonali. Tenniet li kienet irċiviet kommunikazzjoni bil-miktub dwar dan, Hija kkonfermat li l-ispot tal-PN sar wara li l-PBS ġie mmultat u minn April spiċċat saret f’Lulju.  

Mistoqsija dwar min hu responsabbli li jxandar ordni tal-Awtorita tax-Xandir, Saliba qalet li hija t-tmexxija tal-PBS, f’kelma waħda il-Management.. Tiftakar li meta l-PBS kien ikkontesta l-ilment tal-PN wara d-deċiżjoni tal-Awtorita, hija kienet preżenti mal-Avukat tal-PBS. Qalet li l-Management ried li d-deċiżjoni tiġi kontestata.   

Dwar għaliex marret mal-Avukat biex tikkontesta d-deċiżjoni, hija wieġbet li din hija l-prassi li dejjem ħadu l-PBS. Meta mistoqsija jekk fis-seduta li jmiss tistax tippreżenta fil-Qorti kopja tal-minuti tal-laqgħa fuq il-kontestazzjoni tal-PBS fil-konfront tal-Awtorità, ix-xhud qalet li ma jittieħdux minuti f’dawn il-laqgħat.

Sadanittant fil-każ ħarġu fatti ta’ kif l-Awtorità tax-Xandir minkejja li tagħat ordni lill-PBS biex jagħtu r-‘right of reply’ lil PN fuq aħbar, ix-xandir tal-istat jiddeċedi biex ixandarha xahrejn wara jew adirittura jitfa’ l-aħbar bejn ħemel ta’ propoganda favur il-Gvern.

Fi tmiem is-seduta, l-avukati tal-PN esprimew stagħġib li wara tant sigħat fil-Qorti, ħadd mill-mexxejja tal-PBS ma seta’ jiċċara min fil-fatt ħa d-deċiżjoni li jxandar clips li, skont huma, fl-aħħar mill-aħħar kisru d-dritt tagħhom għall-espressjoni ħielsa.

Għal PN qed jidhru l-Avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech, għall-PBS deher l-Avukat Mark Vassallo, għall-Awtorità tax-Xandir deher il-Professur Ian Refalo u għall-Ministru Carmelo Abela deher l-Avukat Chris Cilia. Il-kawża tkompli nhar it-Tlieta 8 ta’ Marzu wara nofs inhar.