Elezzjoni 2022 Lokali

“Il-PN għandu viżjoni għat-2 distrett u n-naħa t’isfel ta’ Malta”

“Il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni għat-tieni distrett u n-naħa t’isfel ta’ Malta.” Dan kien il-messaġġ tal-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista li se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali f’attività politika li saret f’Ħaż Żabbar.

Malcolm Bezzina tkellem dwar kif kull aspett tal-ħajja jdur mad-dinjità tal-individwu, dinjità li lilu bħal ma għamel ma’ ħafna dan il-Gvern ħadilu. Bezzina qal kif il-Partit Laburista prova jixtrilu l-vot tiegħu. Huwa għamel ukoll paragun bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-Mexxej Laburista Robert Abela fejn qal li l-Kap tal-PN aċċettah minkejja li fil-passat ivvota għall-Partit Laburista.

Malcolm Bezzina temm id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lill-poplu Malti sabiex jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għaliex il-PN se jkun qed jagħti lura d-dinjità lil dawk li tilfuha.

Bernice Bonello faħħret il-ħidma tal-kumitati, l-kunsilliera u anke d-deputati li matul is-snin ħadmu għal dan id-distrett fejn minkejja li f’minoranza xorta waħda irnexxielhom jwettqu d-differenza. Bonello semmiet ukoll lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi li ħadem kemm għat-tieni distrett u anke għall-pajjiżna fil-kariga ta’ Prim Ministru.

Bonello temmet id-diskors tagħha billi qalet li hi se tkun qed tiddedika l-enerġija tagħha għar-residenti u l-familji tat-tieni distrett li huma għaddejin minn diffikultajiet.

Doris Borg tkellmet fuq żewġ binarji importanti għall-pajjiżna, l-edukazzjoni u l-familja. Hi semmiet kif matul is-snin il-Partit Nazzjonalista fetaħ beraħ il-bibien tal-Università ta’ Malta, fetaħ l-MCAST u addotta wkoll strateġija li jiftaħ skola ġdida kull sena fejn għall-kuntrarju, Gvern Laburista poġġa lill-istudenti f’kontajner.

Borg tkellmet dwar it-teknoloġija u l-proposti tal-Partit Nazzjonalista f’dan is-settur kif ukoll daw il-proposti fil-qasam tal-edukazzjoni fejn fost l-oħrajn se tkun qed tiżdied il-paga tal-għalliema kif ukoll se tkun qed tingħata żieda ta’ 25% fl-istipendju lill-istudenti.

Errol Cutajar indirizza l-proposti tal-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-volontarjat u l-każini tal-baned fost l-oħrajn hekk kif se jkun ukoll qed jippromovi l-artiġjanat. Cutajar indirizza lil dawk in-Nazzjonalista li huma mweġġgħa b’deċiżjonijiet li setgħu ttieħdu fil-passat u ħeġġieġhom jirritornaw fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Cutajar temm jgħid li Bernard Grech huwa mhux biss Kap li jisma’ iżda huwa wkoll Kap li jaġixxi u b’hekk Malta jixraqilha wkoll li hu jkun Prim Ministru ta’ pajjiżna.

Leone Sciberras qal kif kull individwu huwa l-awtur ta’ ħajtu u kulħadd għandu l-potenzjal li jiżviluppa u jikber. Hu żied jgħid kif il-PN jrid pajjiż aħjar biex kulħadd ikun jista’ jilħaq l-għanijiet kollha tiegħu u kif lkoll flimkien nistgħu naslu. Sciberras indirizza l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għall-persuni b’diżabbilità u anke għall-kaċċaturi u n-nassaba.

Sciberras temm id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex fis-26 ta’ Marzu li ġej jivvota għall-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għaliex huma jistgħu jagħmlu d-differenza.

Stephen Spiteri li huwa wkoll kandidat fuq it-tieni distrett qal li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta ruħu bħala Gvern alternattiv hekk kif wiegħed numru ta’ proposti fil-qasam tas-saħħa u anke fil-qasam tal-kura tal-kanċer. Spiter semma wkoll li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaħdem fil-qasam soċjali u l-politika soċjali.

Il-PN se jkun qed jara li kulħadd ikollu akkomodazzjoni kif suppost u li tixraq lill-ħajja tal-individwu speċjalment dawk li jgħix fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Stephen Spiteri temm billi qal li l-PN se jkun qed jindirizza l-problema tal-faqar biex kulħadd jgħix ħajja aħjar u ta’ kwalità.