Raġel ta’ 35 sena mit-Turkija, residenti Ħal Luqa ammetta quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li kmieni filgħodu nhar is-Sibt li għadda fl-Imsida ta n-nar vettura li spiċċat ‘total loss.’ Moustafa Ozturk ammetta li għall-ħabta tal-5.30am, huwa qabbad l-karozza. Dak inhar il-Pulizija u l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ntalbu jassistu fi Triq Clarence, fuq vettura li kienet qed taqbad.
Wara ħamest ijiem ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija identifikat lir-raġel li wettaq dan ir-reat u li spiċċa arrestat nhat il-Ħamis li għadda. Il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel ikkopera mal-Pulizija mill-ewwel. Ozturk qal fil-Qorti li jaħdem bħala Manager f’ħanut tal-Kebab, u l-avukat tiegħu Alfred Abela għamel referenza għall-fatt li l-akkużat għandu kondotta netta.
Wara li l-Qorti tagħtu ċans biex jerġa’ jaħsibha fuq l-ammissjoni tiegħu u ġie mwissi wkoll li hemm piena ta;’ bejn sentejn u erba’ snin ħabs, t-Tork qal li huwa kien qed jikkonferma l-ammissjoni tiegħu. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Jonathan Ransley flimkien mad-difiża qablu li Ozturk għandu jingħata piena ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Il-Qorti hawn qalet li l-ewwel trid tara hux dan huwa konformi mal-liġi u barra minn hekk trid tara kemm kienet tiswa l-karozza li nqerdet biex tordna li l-vittma jiġi rikumpensat. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom li jrid jiffirma fl-għassa ta’ Ħal Luqa darbtejn fil-ġimgħa, jagħti depożitu ta’ €600 u garanzija personali ta’ €4,400. Il-kawża ġiet differita għal 21 ta’ Marzu li ġej sakemm jsir rapport mill-espert tal-Qorti dwar il-ħsarat tal-vettura fejn dak inhar se tingħata wkoll is-sentenza.