L-Amerka titlob li Malta toħroġ miz-zona Schengen

L-Amerikani qed jaħdmu biex pajjiżi li jbigħu il-passaporti tagħhom ma jibqgħux fiz-zona Schengen.

Dan ifisser li ċittadini Maltin ma jkunux jistgħu jivvjaġġaw lejn pajjiżi Ewropej li jinsabu f’din iż-żona mingħajr il-passaport tagħhom.

Barra minn hekk, il-Kungress Amerikan qed jikkunsidra li jerġa’ jdaħħal l-obbligu li Maltin li jivvjaġġaw għall-Istati Uniti jippreżentaw Visa, meta dan l-obbligu kien tneħħa għal kollox għal ċittadini Maltin li jkunu se jżuru l-Amerka għal mhux aktar minn 90 jum.

Żewġ membri tal-Kungress Amerikan minn naħat differenti tal-kamra ppreżentaw abbozz ta’ liġi propju bil-għan li jitlob li Malta u pajjiżi oħra li jbigħu il-passaporti tagħhom jintneħħew miz-zona Schengen u jkun revokat id-dritt tagħhom li jivvjaġġaw lejn l-Istati Uniti mingħajr Visa maħruġa mill-Ambaxxata Amerikana fil-pajjiż tagħhom.

Il-membri tal-Kungress insistew li l-iskemi tal-bejgħ tal-passaporti huma magħrufa għal kif jiġu abbużati minn oligarki u kriminali, b’mod partikolari Russi li jużaw dawn l-iskemi biex ikunu jistgħu jidħlu fil-kontinent Ewropew.