F’konferenza stampa li saret fis-sala li tinsab biswit il-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq ingħataw dettalji rigward it-tournament ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo tan-Nisa li se jsiru f’pajjiżna bejn illum l-4 u s-6 ta’ Marzu fejn flimkien ma’ Malta, se jkunu qed jieħdu sehem Franza, l-Iżrael u l-Portugall.
Il-coach tat-tim nazzjonali Malti Anthony Farrugia stqarr li għalkemm il-pajjiżi l-oħra huma aktar b’saħħithom mit-tim Malti, huma se jkunu qed jaffrontawhom b’umilta’ u b’ħeġġa’ sabiex itejjbu l-prestazzjonijiet tagħhom. Farrugia irrimarka kif l-iskwadra hi komposta b’taħlita ta’ elementi żgħażagħ u dawk ta’ esperjenza, fejn amalgamaw tajjeb flimkien.
Il-coach tat-tim nazzjonali Malti qal ukoll li fil-jiem li għaddew il-players u l-istaff tekniku attendew għall-kamp ta’ taħriġ f’Osta, fl-Italja, fejn ra l-attitudni pożittiv li għandhom il-players Maltin.
Il-President tal-Aquatic Sports Association Joe Caruana Curran kellu kliem ta’ tifħir għat-tim nazzjonali Malti tal-irġiel li ftit jiem ilu ikkwalifika għall-Kampjonati Ewropej għar-raba darba konsekuttiva. Caruana Curran żied jgħid li l-players tat-tim nazzjonali tan-nisa jagħmlu diversi sagrifiċċji anke għal fatt li wħud minnhom huma ommijiet.
Il-President tal-ASA awgura li t-tim ikollu prestazzjonijet mill-aqwa kif kellu t-tim nazzjonali tal-irġiel taħt it-tmexxija ta’ Karl Izzo, fejn tenna l-fiduċja assoluta fil-coach Anthony Farrugia, li t-tim Malti tan-nisa jikseb riżultati pożittivi.
Skwadra Maltija:
1-Stephanie Desjardins, 2-Nadia Azzopardi, 3-Kaia Agius, 4-Kendra Navarro, 5-Martha Perici Ferrante, 6-Louise Cachia, 7-Francesca Paolella, 8-Sophie Camilleri, 9-Denise Micallef, 10-Rhea Caruana Dingli, 11-Zaira Bartolo, 12-Abby Bonello, 13-Alexia Amato, 14-Karla Camillleri, 15-Elaya Montfort
Logħob ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej :
Il-Ġimgħa 4 ta’ Marzu: 5.00pm: Portugall v Iżrael, 6.30pm: Malta v Franza
Is-Sibt 5 ta’ Marzu: 5.00pm: Iżrael v Franza, 6.30pm: Malta v Portugall
Il-Ħadd 6 ta’ Marzu: 9.00am: Franza v Portugall, 10.30am: Malta v Iżrael
//= $special ?>