Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech iltaqa’ maż-żgħażagħ fil-Junior College fejn sema’ dak li jixtiequ jaraw għall-futur ta’ pajjiżna. Laqgħa li kienet iddominata minn kliem ta’ tifħir għall-proposti li l-PN għandu għaż-żgħażagħ u l-istudenti.
Kienu ħafna dawk li faħħru l-viżjoni tal-PN li permezz ta’ investiment ta’ biljun ewro f’10 setturi ekonomiċi ġodda se joħloq ħafna xogħol ta’ kwalità għal dawn iż-żgħażagħ b’pagi għoljin u futur b’saħħtu.
Oħrajn tkellmu ma’ Bernard Grech dwar iż-żieda ta’ 25% li qed iwiegħed Gvern ġdid tal-PN fl-istipendji… l-ikbar żieda li qed jipproponi kwalukwe partit politku f’din il-kampanja elettorali.
Meta ssemmiet il-proposta b’saħħitha ta’ għotja ta’ 500 euro lil żgħażagħ biex isiefru barra minn xtutna, jieħdu esperjenza vasta u jiġu lura biex jibnu futur f’pajjiżna, il-Kap tal-PN spjega liż-żgħażagħ il-viżjoni tiegħu għal Malta u Għawdex bi pjan għal tul ta’ żmien, li minnu jista’ jgawdi kulħadd.
F’kummenti lill-ġurnalisti fi tmiem din iż-żjara fil-Junior College, Bernard Grech stqarr li għalih iż-żgħażagħ huma l-preżent u mhux biss il-futur tal-politka li jħaddan il-PN. Fost l-oħrajn, ġie diskuss l-importanza tal-e-sports, qasam li iktar ma jmur iktar qed jikber u jinteressa liż-żgħażagħ bħala settur tax-xogħol. Kien għalhekk li Bernard Grech wiegħed li l-PN fil-Gvern jagħti taħriġ u tagħmir għal dawk li jixtiequ jkomplu jistudjaw f’dan il-qasam.
Ġie diskuss ukoll l-importanza tas-settur taż-żgħażagħ fejn fost l-oħrajn Bernard Grech wiegħed investimenti bbażati fuq Metaverse, qasam diġitali li huwa stmat li se jlaħħaq it-€800 biljun sas-sena 2024… u l-produzzjoni ta’ video games li l-iżvilupp ta’ dawn il-logħob joħolqu ekosistema sħiħa li jibnu lil pajjiżna.
Jakkumpanjaw lil Bernard Grech matul din iż-żjara kien hemm il-mara tiegħu AnneMarie Grech flimkien ma’ diversi kandidati tal-PN.