“Irridilkom ħafna ġid, dak il-ġid biex inwettquh u nsarrfuh irridu nkunu qed immexxu lil dan il-pajjiż. Għandna miżuri li nistgħu nwettquhom biss billi jkollna s-sosten tal-votatnti. Inħeġġiġkom biex tikkonvinċu aktar żgħażagħ għaliex hekk biss nistgħu nwetqu l-ġid li għandna fil-programm elettorali għall-ġid tiegħek, miegħek għal Malta.” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’attività maż-żgħażagħ li kienet organizzata fil-Belt Valletta, attività b’konkorrenza qawwija ta’ żgħażagħ li komplew ifaħħru l-kampanja pożittva li qed jagħmel il-PN u l-proposti b’viżjoni li għandu Bernard Grech għal Malta u Għawdex.
Il-Kap tal-PN semma’ kif aktar persuni, b’mod partikolari aktar żgħażagħ qed ikomplu jingħaqdu mal-PN għaliex qed jirrealizzaw li dan il-partit għandu viżjoni li għalihom ser tħalli futur u pagi li jrendu għal tul ta’ żmien. Bernard Grech saħaq li Irridu Gvern li jmexxi bl-eżempju fejn jidħlu governanza u ħarsien tal-ambjent. “Dawn huma s-sisien tal-manifest elettorali tagħna. Biex dan il-programm jitwettaq teżisti ċavetta waħda biss..il-vot tiegħek u ta’ Maltin u Għawdxin oħrajn. B’umilta’ nħoss li ħaqqna l-opportunita’ li nbiddlu r-rotta ta’ pajjiżna”, qal Bernard Grech.
Meta ndirizza b’mod partikolari lil dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba l-Kap tal-PN wassal messaġġ sinċier fejn qal “b’umilta’ nitolbok il-vot li rrid insarrafulek f’futur mill-isbaħ, b’opportunitajiet f’setturi ġodda bħalma huma l-artificial intelligence, il-metaverse, 3D printing, esports, u ħafna oħrajn. Hu fakkar kif lill-PN tista’ tafdaħ għaliex il-passat huwa garanzija ta’ x’jista’ joħloq għal pajjiżna. “Nitolbok tħares lura ftit snin meta mix-xejn aħna ħloqna setturi ġodda għall-ekonomija tagħna bħas-servizzi finanzjajri, gaming, farmaċewtika u l-avjazzjoni. Dak li tgħallimna hemm ser jiswina llum.”
Fost il-miżuri ewlenin li semma’ Bernard Grech waqt din l-attività, hemm li dawk il-familji żgħażagħ li ma jkunux jistgħu jħallsu d-depożitu ta’ l-10%, ser jingħataw għajnuna ta’ self mill-Gvern biex dan jagħmluh sa massimu ta’ €20,000, li jitħallas lura fuq perjodu massimu ta’ 30 sena. Liż-żgħażagħ, taħt l-eta’ ta’ 35 sena, li jkunu qed jixtru għall-ewwel darba, Gvern ġdid tal-PN se jtihom sussidju li jkopri sa 50% tal-imgħax fuq is-self sa €250,000, għall-ewwel ħames snin tas-self.
Bernard Grech semma’ li Gvern Nazzjonalista se jaċċerta xogħol ta’ kwalità fejn fost il-proposti ewlenin semma’ kif il-PN qed jipproponi li jiftaħ skola sekondarja speċjalizzata ġdida kull sena “biex inħajru u nixprunaw iżjed tfal u żgħażagħ jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-oqsma li jaspiraw li jirnexxu. Niżguraw li l-ewwel speċjalizzazzjonijiet ikunu fit-teknoloġija diġitali, il-metaverse u d-dinja virtwali, fit-teknoloġija tal-manifattura u r-robotika, u fl-arti u l-kultura.”
Proposta li qed tkompli tintlaqa’ tajjeb ħafna miż-żgħażagħ kienet li Gvern ġdid tal-PN jagħti vawċer ta’ €500 liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena għal ivvjaġġar sportiv jew kulturali, ħalli jwessgħu il-perspettiva sportiva u kulturali tagħhom.
Iż-żgħażagħ li attendew għal din l-attività semmew b’mod partikolari kemm japprezzaw il-fatt li Bernard Grech qed iżomm kelmtu u jżommom fiċ-ċentru tal-politka tal-PN b’mod partikolari meta kompla jisħaq li ż-żgħażagħ huma l-preżent u mhux biss il-futur.
Matul din l-attività wassal il-messaġġ tiegħu l-President tal-MZPN Gabriel Micallef. Hu saħaq li ż-żgħażagħ f’pajjiżna kollha jaspiraw li jkollna pajjiż aħjar milli hu b’mod partikolari issa li fl-aħħar snin rajna x’għamel minn pajjiżna il-Gvern Laburisa. Micallef semma fost l-oħrajn is-sondaġġi li juru li madwar 70% taż-żgħażagħ jixtiequ jitilqu minn pajjiżna. Il-President tal-MZPN fakkar ukoll kif numru ta’ sondaġġi juru li ż-żgħażagħ m’humiex kuntenti bis-sitwazzjoni tal-ambjent f’pajjiżna. Hu appella liż-żgħażagħ biex jingħaqdu mal-PN u jkunu huma l-ġenerazzjoni li ħarset ‘il quddiem, ħadmet għal ambjent aħjar, għal setturi ekonomiċi ġodda, edukazzjoni li tixraq, u pajjiż li bih inkunu kburin.
//= $special ?>