Lokali Qorti

Mixli li kkaġuna ġrieħi gravi fuq żagħżugħ bi ‘flick knife’ f’inċident li seħħ fuq tfajla

Axl Mallia ta’ 21 sena mill-Marsa nżamm arrestat wara li ġie mixli li kkaġuna ġrieħi gravi f’wiċċ żagħżugħ ieħor permezz ta’ ‘flick knife’. L-inċident seħħ fuq diżgwid li nqala’ fuq tfajla, fejn kien hemm l-involviment ta’ terza persuna. Il-każ seħħ l-Erbgħa li għadda meta l-vittma, żagħżugħ ta’ 28 sena minn Ħaż-Żebbuġ iffaċċja lill-aggressur b’messaġġi li bagħat lit-tfajla tiegħu fuq il-mobile.

Il-prosekuzzjoni qalet li minn informazzjoni li għandha hija li xi ħadd offra s-somma ta’ €1,500 biex jorqod lejl mat-tfajla tal-allegat vittma. Kien għalhekk li l-każ kiber u spiċċa kif spiċċa, wara li l-għarus tagħha sar jaf b’dan kollu, b’riżultat ta’ messaġġi li t-tfajla rċiviet mingħand l-akkużat fuq din il-proposta.

F’kelma waħda l-akkużat għamilha ta’ messaġġier bit-tfajla tgħid b’kollox lis-sieħeb tagħha. L-Ispettur Stacy Gatt qalet li kien il-vittma li mar jagġmel ir-rapport li kien ġie aggredit u li l-uffiċjali tal-Pulizija kienu sejħu għall-assistenza medika u hu ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

Minn naħa l-oħra mal-arrest tiegħu, Malia ittieħed fl-eqreb ċentru tas-saħħa minħabba li kien ukoll sofra ġrieħi mill-argument. It-tobba hemmhekk iċċertifikatu li sofra ġrieħi ħfief. L-Ispettur Stacy Gatt akkużat lil Mallia li kkaġuna ġrieħi gravi, attakka lir-raġel, ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr permess jew liċenzja tal-pulizija, ġarr sikkina waqt li wettaq reat kontra l-persuna u li kiser il-paċifiku, fost akkużi oħra.  Mallia wieġeb mhux ħati tal-akkużi.  .

L-argument bejn iż-żewġt irġiel seħħ wara li l-vittma mar għall-akkużat għas-sodisfazzjon. Il-Pulizija qalet li bdiet tinvestiga dan il-każ wara li l-vittma mar fl-Għassa tal-Ħamrun jirrapporta li kien għadu kemm ġie aggredit fi Triq Nicolo Isouard fil-Marsa, fejn joqgħod l-akkużat.

L-Avukat Matthew Xuereb li deher għall-akkużat talab għall-ħelsien mill-arrest. Qal li f’dan il-każ, l-imputat huwa l-vittma għax skontu kien qed jiddefendi lilu nnifsu u fil-fatt anke ġarrab xi ġrieħi. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, inkluż dik l-akkużat baqa’ sieket meta interrogat mill-pulizija, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.