“Nifhem minn xiex inthom għaddejjin għaliex mhux biss kont żagħżugħ bħalkhom iżda wkoll missier ta’ żewġ żgħażagħ. Jien narakhom qiskhom it-tfal tiegħi u b’hekk iridilkhom ħafna ġid għall-futur tagħkom. Għandna pjan u viżjoni ċara ta’ kif nistgħu nagħmlu dan. Iżda dan jista’ jsir biss jekk il-poplu Malti jagħti l-fiduċja lill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.”
Kien dan li ntqal waqt attività politika tal-Partit Nazzjonalista maż-żgħażagħ taħt it-tinda fi Pjazza De Vallette, il-Belt Valletta, indirizzata mill-Kap tal-PN Bernard Grech.
Bernard Grech qal li bħalma Gvern Nazzjonalista passat ħaseb fiż-żgħażagħ, bl-istess mod se jkun qed jagħmel Gvern Nazzjonalista mmexxi minnu biex b’hekk jagħti futur aħjar għall-futur ta’ pajjiżna.
Hu qal li kull dixxiplina sportiva tagħti l-opportunità biex wieħed jikber u jsaħħaħ is-saħħa mentali tiegħu, fost ħafna iktar benefiċċji oħra.
Il-Kap tal-PN qal li mhux l-politiċi kollha l-istess hekk kif dawk il-politiċi li qed jimxu ‘l quddiem, fosthom numru ta’ żgħażagħ, kulma jixtiequ hu li jservu lill-poplu Malti. Hu qal li dawn il-politiċi huma parti mill-Partit Nazzjonalista, politiċi li huma parti mit-trasformazzjoni mixtieqa f’pajjiżna.
Bernard Grech saħaq li meta kien iżgħar kien ivvota biex Malta tkun parti mill-Unjoni Ewropea għaliex ried jara lit-tfal ta’ pajjiżna jkunu jistgħu jimxu ‘l quddiem… u llum il-ġurnata Bernard Grech iwiegħed li se jerġa’ jagħmel l-istess ħaġa. Kien għalhekk li talab biex dawk il-votanti jaħsbu biex jiftħu bibien ġodda għall-ġenerazzjoni futura. Dan hekk kif il-PN se jkun qed jagħti firxa ikbar ta’ setturi ġodda li se joħolqu xogħolijiet ġodda.
Hu kompla jgħid li wasal iż-żmien ta’ politika serja mmexxija minn politikanti serji li jagħtu l-opportunità, il-garanziji, is-serħan il-moħħ… u wara kollox li dak li jwiegħdu, iwettqu.
Bernard Grech saħaq li hu jixtieq biss li kull żagħżugħ u żagħżugħa jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom biex ‘il quddiem ikollhom futur aħjar.
