Robert Abela għandu bżonn jispjega d-deal ta’ proprjetà ma’ Christian Borg, għandu bżonn inaddaf ismu rigward dan id-deal ma’ bniedem suspettat li ħasel il-flus.
Hekk sostna l-editur tal-ġurnal Times of Malta fil-ħarġa tal-Ġimgħa fejn sosta li l-għajta li tħares biss lejn il-futur għandha vantaġġ – dik li tagħmilha ta’ bir-ruħek li l-passat qatt ma eżista, speċjalment meta tkun għadek trid tagħti spjega ta’ għemilek.
L-editur jisħaq li kull darba li Robert Abela jkun mistoqsi dwar Christian Borg huwa jdur għall-istess retorika…dik li hija spin politika – b’Abela jaħrab għal kollox milli jwieġeb ċar u tond….u aktar ma jdum ma jnaddaf ismu u jdawwar diskorsu aktar iqajjem suspett.
Fl-editorjal intqal li f’nofs kampanja elettorali, Robert Abela qed jevita għal kollox milli jwieġeb domandi pertinenti mill-ġurnalisti…mistoqsijiet li għandhom dritt sagrosant jingħadu.
L-editur jisħaq li Robert Abela m’għadux sempliċiment avukat li jaf kellu kunflitt ta’ interess – imma illum huwa Prim Ministru u apparti li jrid jimxi b’eżempju jrid ukoll joqgħod għall-iskrutinju pubbliku.
Robert Abela jqis il-profitti u l-introjti tagħhom huma materja privata minkejja li l-membri tal-kabinett iridu, bilfors, jelenkaw il-proprjetajiet tagħhom, id-depożiti bankarji, l-investimenti…u d-dħul tas-sena ta’ qabel.
Il-Mexxej tal-Labour kien l-unika membru tal-kabinett li fl-2021 ma ddikkjarax pubblikament x’daħħal fl-2020. Minflok niżżel nota li d-dħul tiegħu kien skont it-tax returns…iżda ma provda ebda figuri tat-tax returns tiegħu.
L-editur jisħaq li Robert Abela ma jistax jibqa’ jaħrab mid-domandi, jrid iwieġeb għal għemilu u jnaddaf ismu. Dak li huwa mistenni minn mexxej ta’ pajjiż demokratiku.