Lokali Parlament Unjoni Ewropea

Roberta Metsola tmexxi laqgħa virtwali mal-Ispeakers Ewropej u ma’ dak tar-Rada tal-Ukrajna

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola mexxiet laqgħa virtwali mal-Ispeakers tal-Parlamenti Nazzjonali tal-Istati Membri flimkien ma’ Ruslan Stefanchuk, l-Ispeaker tal-Parlament Ukren Verkhovna Rada.

Matul il-laqgħa, Metsola ħabbret struttura li se tkun qed tressaq aktar fil-qrib il-Parlamenti Ewropej mal-Verkhovna Rada bl-għan li jkunu fformolati l-prijoritajiet u l-ħtiġiet fiċ-ċirkostanzi preżenti u tal-futur.

Hi spjegat li dan l-appoġġ hu kruċjali biex l-Unjoni Ewropea tibqa’ magħquda, filwaqt li l-Ukrajna tingħata l-għajnuna li jkollha bżonn. Il-President tal-Parlament Ewropew kompliet li l-intenzjoni wara l-invażjoni mill-Gvern Russu hi biss li jkunu mhedda l-istituzzjonijiet demokratiċi Ukreni.

Filwaqt li tenniet l-appoġġ tal-Parlament Ewropew għall-Ukrajna u l-poplu Ukren, Roberta Metsola qalet li l-għaqda hi waħda mill-aktar elementi importanti quddiem dawn l-isfidi.

Sadanittant, matul din il-laqgħa virtwali pparteċipa wkoll l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.