Elezzjoni 2022

TAL-MISTĦIJA: Robert Abela juża l-IVF biex jattakka lil Bernard Grech

Jagħmel ballun politiku minn tema daqstant sensittiva

Wara li fl-aħħar jiem uża l-gwerra fl-Ukrajna biex jipprova jiskorja punti politiċi, issa l-partit ta’ Robert Abela qiegħed saħansitra juża l-IVF biex jattakka lill-Kap tal-PN Bernard Grech. Dan wara li l-Kap tal-PN Bernard Grech preżenta proposti b’saħħithom biex itejjeb il-ħajja ta’ dawk l-ommijiet li jridu jsiru ġenituri – proposti li kienu mfaħħra minn bosta, wara li l-Gvern ilu xhur ikaxkar saqajh biex jagħmel l-IVF kompletament b’xejn għal kulħadd.

Analisti politiċi qed jgħidu illi huwa tal-mistħija kif Robert Abela għamel ballun politiku tema daqstant importanti għal diversi koppji li jkunu qed jistennew tarbija. Dan meta hu stess bħala Prim Ministru ma kienx kapaċi jieħu azzjonijiet konkreti, fejn sa din il-ġimgħa stess talab lill-ommijiet jistennew sa wara l-elezzjoni biex forsi nibdew naraw xi titjib fis-servizzi tal-IVF.

Wara li Bernard Grech tkellem dwar l-isfidi finanzjarji kbar li qed iħabbtu wiċċhom magħhom koppji li għaddejjin bit-trattament, Robert Abela stess wegħedhom li ma kinux se joħorġu ċenteżmu ieħor minn buthom. Iżda l-Gvern Laburista kien kapaċi biss iwiegħed u baqa’ ma wettaqx dak li wiegħed.

Tant hu hekk li bosta kienu dawk il-koppji li ħarġu l-eluf għat-trattament u l-mediċini tal-IVF u li esprimew diżappunt kbir għall-mod kif Gvern Laburista użahom u mbagħad ħallihom b’xejn.

Issa Abela qed jerġa’ juża lil dawn il-koppji biex jattakka lil Bernard Grech. Meta ra lil l-Kap tal-PN preżenta proposti li verament jistgħu jagħmlu differenza kbira lill-dawn il-koppji, l-ewwel ikkopja l-istess proposti, imbagħad uża lill-istess koppji biex jagħmel propaganda maħmuġa a skapitu ta’ min spiċċa jitkarrablu għall-għajnuna u baqa’ ma kkalkulahomx.