Lokali

Fearne jitlaq ‘il barra meta mistoqsi dwar Abela

Id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Fearne, ma ħassx li kellu jiddefendi lill-Mexxej tiegħu. Dan wara li Robert Abela ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat jaħrab milli jwieġeb b’mod ċar u tond dwar deals li għamel fil-proprjetà …u mhux biss… waqt li kien Deputat Parlamentari, konsulent legali tal-Kabinett kif ukoll konsulent legali tal-Awtorità tal-Ippjanar.

F’żewġ okkażżjonijiet separati, Net News staqsa lil Abela jekk avviċinax lill-Pulizija sabiex inaddaf ismu – madanakollu fl-ebda mument ma azzarda jwieġeb il-mistoqsija.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Net News staqsa lil Chris Fearne jekk hu jagħmilx minn kollox biex inaddaf ismu – bi Chris Fearne farfarha, u saħaq li Abela diġà wieġeb.

Madanakollu Robert Abela fl-ebda mument ma wieġeb il-mistoqsijiet li sarulu, iżda rrisponda dak li ried hu biss – bis-solità narrattiva ta’ spin u ħabi.

Net News staqsa wkoll lil Fearne jekk il-Mexxej tal-Labour iċċarax il-pożizzjoni tiegħu miegħu rigward dan l-iskandlu. Iżda hu ma weġibx, u minflok daħal jiġri ‘l ġewwa.