Ftit tal-ħin ilu waslet l-aħbar li żagħżugħ ta’ 20 sena residenti l-Imtarfa, jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku li seħħ dalgħodu fil-Baħrija.
L-Inċident seħħ għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħodu, fi triq Bieb ir-Ruwa, il-Baħrija limiti tar-Rabat.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li iż-żagħżugħ tilef il-kontroll tal-vettura tat-tip Peugeot u b’konsegwenza t’hekk seħħ impatt ma’ siġra u nqalbet.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lix-xufier l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>