Lokali Unjoni Ewropea

“Il-Gvern Malti mwarrab minn Stati Membri oħrajn”

“L-aħħar stħarriġ li sar mill-Kunsill Ewropew għar-Relazzjonijiet Barranin juri li Malta qed titħalla waħedha minn Stati Membri oħrajn għax ftit li xejn huma dawk li qed jagħzlu li jiddiskutu mal-Gvern Malti dwar kwistjonijiet li qed jinqalgħu minn żmien għal żmien.. għaliex bħala pajjiż huwa inqas reattiv mill-bqija tal-Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.”

Hekk sostna Daniel Mainwaring f’kummentarju bl-isem ‘On the rocks: Malta-EU relations in times of crisis’ mtella fuq is-sit tal-Kunsill Ewropew għar-Relazzjonijiet Barranin fejn kompla jisħaq li l-Gvern Malti, minflok ma jfittex li jiddiskuti mal-bqija tal-Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, ma waqafx jikkritika l-Ewropa fuq diversi kwistjonijiet, fosthom kwistjonijiet bħal l-migrazzjoni u l-pandemija tal-Covid-19.

“Il-Gvern Malti minflok ma jfittex lok għl diskussjoni mal-bqija tal-Unjoni Ewropea, qiegħed idur għar-relazzjonijiet bilaterali – ħafna drabi ma’ pajjiżi barra l-Ewropa sabiex jilħaq l-għanijiet tal-politika tiegħu.”

Daniel Mainwaring tenna li fejn jidħlu l-kwistjonijiet bħal migrazzjoni u l-pandemija, il-Partit Laburista żied ir-retorika populista u akkuża lill-Unjoni Ewropea li naqset milli toffri appoġġ sostantiv lil Malta, filwaqt li ssaħħaħ u faħħar ir-relazzjonijiet strateġiċi lil hinn mill-Ewropa. B’dan kollu, jidher biċ-ċar li l-Gvern se jkompli jrawwem aktar relazzjonijiet barra l-Unjoni Ewropea, sabiex jiddefendi politika unilaterali li jaqdu l-interessi tiegħu, u teskala bidla retorika lil hinn mill-Unjoni.