Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Ir-Russja issa qed thedded ritaljazzjoni ħarxa kontra r-Renju Unit

Il-Kremlin ta’ Moska issa qed jhedded lir-Renju Unit ‘b’miżuri qawwija ta’ ritalazzjoni’ waqt li l-President Russu Vladimir Putin saħaq li l-mewġa tas-sanzjonijiet mill-Punent fuq pajjiżu huma kważi fuq il-livell ta’ ‘dikjarazzjoni ta’ gwerra’.

Putin tenna li kwalunkwe pajjiż li jimponi no-fly zone fuq l-Ukrajna ‘waqt li għaddejja l-invażjoni’ għandu jkun ikkunsidrat bħala ‘għadu ta’ Moska u li qed jiġġieled fuq in-naħa tal-Ukreni’.

Il-Ministeru tad-Difiża Britanniku qal, sadanittant, li r-Russja qed tagħmel il-proposti għal waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna bil-ħsieb li tnaqqas mill-kritika internazzjonali għall-invażjoni. Madankollu, Moska, kemm-il darba, mhix qed tirrispetta  l-impenji tagħha biex ma jinqatlux ċivili bla bżonn.

Intant, Putin qed jidher dejjem aktar irrabjat dwar ‘il-bojkott tar-Russja mill-Punent minn aspetti ekonomiċi, diplomatiċi u kulturali’.

Min-naħa tagħha, Maria Zaharova (ritratt), kelliema għall-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin, wissiet lil Londra li ‘ir-Russja mhix se tinsa kif ir-Renju Unit ikkoopera mal-qawwiet radikali u neo-Nażisti fl-Ukrajna – sal-punt fejn il-Gvern Britanniku wassal kwantità kbira ta’ armi lill-Gvern Ukren’.

Dan meta l-Gvern ta’ Putin qed jirrepeti li l-invażjoni saret biex ikunu eliminati ‘l-elementi Nażisti’ fi ħdan it-tmexxija Ukrena – u bl-osservaturi barranin jaqblu li din l-akkuża ma għandha l-ebda bażi fir-realtà.

Zaharova anki akkużat lil Londra dwar ‘isteriżmu’ u sostniet li l-Gvern Britanniku għażel li jaqbad it-triq lejn konfrontazzjoni ‘miftuħa’ mar-Russja.

‘L-aħħar żviluppi jikkonvinċuna li politika speċifika kontra r-Russja u l-aġenda ta’ Londra biex tagħmel il-ħsara lir-Russi huma elementi integrali tal-politika barranija tal-Gvern Britanniku’, temmet tgħid Zaharova.