Internazzjonali Lokali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Il-qawwiet ta’ Putin issa jiċċirkondaw lill-ibliet ewlenin

Għalkemm l-Ukreni qed ikomplu jirreżistu bi qlubija kontra qawwiet ferm aktar superjuri – l-indikazzjonijiet huma li l-Armati ta’ Vladimir Putin issa ċirkondaw erba’ bliet ewlenin fl-Ukrajna. Dawn l-ibliet huma Kharkiv ( it-tieni l-akbar belt Ukrena), Chernihiv, Sumy u Mariupol.

Madankollu — u minkejja li għadha taħt bumbardament — il-belt ta’ Kiev għadha taħt ‘il-kontroll sod’ tal-qawwiet leali għall-President Ukren, Volodymyr Zelensky. Dan meta d-difiżi tal-Ukreni mill-ġdid żammew lir-Russi milli jinfiltraw aktar ‘il ġewwa fi Kiev u waqt li serbut twil ta’ tankijiet u vetturi militari Russi għadhom weqfin fil-periferiji tal-kapitali fejn qed jiffaċċjaw problemi ta’ loġistika u nuqqas ta’ fuel.

Sadanittant, daħlet konferma li ‘il fuq minn 1.2 miljun Ukren laħqu ħarbu minn pajjiżhom mill-bidu tal-gwerra ‘il hawn – bil-konflitt fl-artijiet tal-Ukrajna issa jidħol fl-għaxar jum,.