Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Qed jaħarbu mir-Russja fost il-biża’ dwar il-liġi marzjali

Ir-rapporti mill-Finlandja qalu li numri ‘dejjem akbar’ tar-Russi qegħdin jaqsmu lejn l-artijiet tagħhom mill-fruntiera komuni minħabba l-inkwiet li r-reġim ta’ Vladimir Putin jista’ jasal dalwaqt biex jintroduċi liġi marzjali fir-Russja. L-eżodu qed ikompli minkejja li Putin innifsu ddikjara li mhux jaħseb f’pass hekk drastiku – b’ħafna Russi mhumiex jemmnu li din tista’ tkun wiegħda ġenwina.

L-ispekulazzjoni dwar liġi marzjali fir-Russja żdiedet peress li r-reġim f’Moska jinsab urtat ħafna għad-dimostrazzjonijiet mir-Russi kontra l-invażjoni tal-Ukrajna. Intant, diversi sorsi qalu li l-President Putin u l-membri tat-tmexxija fil-Kremlin iridu jagħmlu minn kollox biex iwaqqfu l-protesti taċ-ċivili fir-Russja proprja u li qed iqisuhom bħala ‘sfida diretta lil Moska minbarra li sfida personali’.

Peress li waqfu t-titjiriet lejn ir-Russja – bl-ajruplani domestiċi tar-Russja ma jistgħux jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra – l-uniku mezz biex ‘ir-refuġjati’ Russi joħorġu minn pajjiżhom hu bil-karozza ( biex jaqsmu mill-fruntiera) inkella bil-ferrovija.

Ħafna mir-Russi intervistati qabel daħlu l-Finlandja qalu li l-parti kbira tal-popolazzjoni Russa ma tridx u qatt ma riedet il-gwerra mal-Ukrajna, iżda huma qed jibżgħu li ‘jispiċċaw il-ħabs jew agħar’ jekk jippruvaw jieqfu lil Putin.

Intant, il-Finlandiżi għandhom simpatija kbira mar-Russi li qed jaħarbu u speċjalment mal-Ukreni li għaddejjin minn ħmar-il lejl fost l-agħar tal-gwerra.

Fl-istess ħin, il-possibbiltà li r-Russja tikkonċentra l-politika ta’ gwerra fuq pajjiżi oħrajn eqreb tagħha hi kbira – bil-Finlandja qed tibdel il-ħsieb dwar in-newtralità li ilha tħaddan għal snin minħabba l-periklu mill-Kremlin għall-ġirien tiegħu.

Dan ukoll meta l-maġġoranza tal-Finlandiżi, illum, jemmnu li ‘wasal iż-żmien biex pajjiżhom jissieħeb fin-NATO’ għall-protezzjoni tal-pajjiż kontra t-tipi ta’ aġir aggressiv li qed naraw bħalissa mir-Russja.