Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Tikber il-katastrofi umanitarja f’Mariupol fost il-bumbardamenti ġodda

Ir-Russja marret lura minn kelmtha u wettqet sensiela ta’ bumbardamenti ġodda fuq il-belt Ukrena ta’ Mariupol li qed tiffaċċja kriżi umanitarja. Is-sitwazzjoni. b’hekk, kompliet tiggrava għar-residenti tal-belt li qegħdin ibatu nuqqas ta’ ikel, dawl u servizzi oħra essenzjali.

Il-bumbardamenti seħħew minkejja li r-Russi – sigħat qabel – kienu qablu dwar waqfien mill-ġlied biex jippermettu għat-twaqqif tar-rotot umanitarji biex iċ-ċivili jaħarbu miz-zona tal-gwerra.

B’riżultat ta’ dan,  l-evakwazzjoni taċ-ċivili minn Mariupol inbidlet f’kaos sħiħ, b’numru ta’ pajjiżi jesprimu kundanna għall-Gvern tal-President Russu Vladimir Putin talli qed ‘jissokta bi gwerra speċifika fuq il-familji Ukreni innoċenti’.

L-attakki tar-Russi fuq Mariupol baqgħu intensivi matul il-ġurnata – bil-bumbardamenti fuq iz-zoni residenzjali jintensifikaw sa tliet sigħat qabel suppost bdiet l-evakwazzjoni mill-inħawi.

L-awtoritajiet Ukreni qalu, wara, li l-evakwazzjoni taċ-ċivili kellha tieqaf ‘minħabba li r-Russi ma kenux qed jonoraw l-impenn għal waqfien mill-ġlied fost l-isparar bla heda fuq il-belt’.

Ir-Russja ma kkummentatx fuq l-aħħar bumbardamenti fuq Mariupol. Madankollu, il-Ministeru tad-Difiża Russu qal li ċ-ċivili Ukreni ma użawx ir-rotot speċifikati biex jaħarbu minn dik iz-zona. Intant, il-kelliema f’Moska akkużaw lill-awtoritajiet Ukreni ‘b’li mhux qed iħallu lin-nies jaħarbu bl-iskop li jitfgħu lir-Russi f’dawl ħażin’. Sadanittant, eluf kbar ta’ familji f’Mariupol baqgħu maqbudin u iżolati ‘f’art ta’ ħadd’ fost ix-xita ta’ balal – sparati mill-artillerija Russa — fuq l-inħawi.