Lokali Qorti

Il-ħtif fir-Rabat: Avukat jattakka l-kredibilità tal-allegat vittma

L-avukat difensur ta’ Luke John Milton għamel diversi mistoqsijiet fuq il-kredibilità tax-xhieda mogħtija minn raġel allegatament maħtuf, mhedded u msawwat minn gang ta’ rġiel b’rabta ma’ vann li kien kera mingħand Christian Borg. Carlos Schembri xehed fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Milton.

Preċedentement kien ta wkoll l-istess xhieda fi proċeduri kriminali kontra Christian Borg, Thorne Mangion, Tyson Grech, Burton Azzopardi u Jeremy Borg, li huma mixlija separatament b’rabta mal-inċident. Schembri ddeskriva lil Milton bħala t-“tieni fil-kmand” ta’ Christian Borg waqt ix-xhieda tiegħu quddiem il-maġistrat Monica Vella.

L-avukat tal-prosekuzzjoni Karl Muscat staqsa lix-xhud jekk kellux xi tifkira ta’ inċidenti tal-passat li kienu jinvolvu lill-akkużat, Schembri xehed li kien inħataf minn fuq il-post tax-xogħol tiegħu madwar erba’ snin ilu, minn Christian Borg u “barrani jismu Alex.”

Kienu ħaduh fi ‘breakers yard’ (‘scap yard’) tagħhom fil-Qrendi, fejn żammewh bil-forza fuq siġġu u ġegħluh jiffirma kambjali. Huwa kien inżamm mill-4pm sakemm dalam, huwa qal. L-irġiel kienu sfurzawh jiffirma kambjali għax-xiri ta’ vann ġdid wara li sostnew li l-vann kien insteraq. “Imma kienu jafu fejn kien il-vann” żied jgħid.

Aktar tard skopra li sid li ‘scrap yard’ kien raġel jgħidulu “Il-Pitazz” minn Birzebbugia, xehed Schembri. “Ma kienux ħorox miegħi daqs kemm kienu l-aħħar darba,” u qal li “biss” sofra minn tbenġil. Aktar tard ġie ppreżentat rapport tal-pulizija dwar dan, li huwa kkonferma.

Kienu kambjali 300 fix-xahar għal ħames snin, spjega x-xhud. “Iffirmajthom, iżda ma użajtx il-firma sħiħa tiegħi.” Schembri qal lill-Qorti li dak iż-żmien kien ħadem bħala sprayer ma’ Christian Borg u li Borg kien se jnaqqaslu €300 mill-paga kull xahar.

Huwa ħadem ma ‘No Deposit Cars iżda l-kuntratt tiegħu kien ma’ Princess Garage, Sadanittant huwa ntlaqat b’ordni ta’ sekwestru għal xi €33,000 minħabba l-kambjali li kien imġiegħel jiffirma. Schembri qal lill-Qorti li aktar tard kien xtara Mercedes mingħand Milton, iżda skopra li din kienet maħbuta qabel u li ssewwiet bil-hardmetal u li l-airbags tagħha kienu diffettużi, fost ħsarat oħra. Luke Milton kien iffirma l-kambjali għall-karozza, huwa qal.

L-avukat ta’ Milton, Stefano Filletti, ikkontro-eżamina fit-tul lil Schembri. Huwa kkonfronta lix-xhud bis-suġġeriment li qabel kien tkeċċa wara li seraq parts tal-karozzi mill-bonded stores tal-kumpanija u biegħhom lil klijent bi prezz imraħħas.

Schembri ċaħad li dan kien minnu. “Jien ma għamiltx dak in-negozju. Fil-fatt ħadni lura biex naħdem miegħu,” huwa qal. Filletti kkonfronta lix-xhud bix-xhieda preċedenti tiegħu, fejn kien iddettalja kif il-grupp kien ukoll ħataf lilu f’okkażjoni preċedenti.

“Int għedt li żammek kontra r-rieda tiegħek għal sigħat u madankollu int mort lura taħdem miegħu. Għaliex?” staqsa l-avukat. “Hu biss iħallas €9 fis-siegħa,” wieġeb Schembri. L-avukat difensur talab lil Schembri biex jikkonferma jekk kienx maħtuf minħabba li seraq vann li aktar tard inbiegħ lil ċertu Charlton Magro, iżda l-qorti intervjeniet li rrimarkat li Magro ma kienx issemma fl-eżaminazzjoni prinċipali.

L-avukat biddel id-direzzjoni, u staqsa lix-xhud jekk kienx qal lil dawk li ħatfuh li kien skrappja l-vann għal partijiet u mbagħad biegħhom għall 1,000. “Le,” wieġeb Schembri. “Tajthom l-isem tal-persuna li lilha biegħt il-parts?” “Le.” Filletti staqsieh jekk meta kien ħarab mill-vann, kif kien iddeskriva, kienx mar f’garaxx ta’ ħabib fil-kantuniera.

Il-garaxx kien ta’ Charlton Magro, qal Filletti fil-Qorti. “Il-garaxx ta’ Charlton Magro jinsab ħdejn il-mina ta’ Hompesch. Dak il-bogħod biżżejjed?” wieġeb ix-xhud. Wara li Schembri kkonferma li kellu Mercedes griża, Filletti staqsieh għaliex No Deposit Cars ressqet rapport tal-pulizija kontrih talli uża numberplates misruqa mill-kumpanija.

Schembri qal li meta xtara l-karozza kellha pjanċi tar-Renju Unit. Schembri ċaħad kull aġir ħażin, u spjega li huwa kien xtara l-karozza mingħand No Deposit Cars fl-2016 u li wara ttieħdet lura mill-kumpanija, iżda li kien żamm in-numer plates. Il-każ ikompli l-ġimgħa d-dieħla. L-Ispetturi Roderick Attard u Sarah Zerafa mexxew il-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukati tal-AĠ Karl Muscat u Francesco Refalo. L-avukat Matthew Xuereb kien ukolll avukat difensur.