Elezzjoni 2022 Lokali

L-ISKANDLU TA’ ABELA U CHRISTIAN BORG: Jibqa’ jaħbi kemm daħħal flus fil-but mid-deal, u ma jwieġeb assulutament xejn!

Dalgħodu Robert Abela baqa’ jaħbi kemm daħħal flus fil-but mid-deal mal-allegat kriminal Christian Borg. U għad-diversi domandi li saru minn Net News…il-Prim Ministru baqa’ ma jwieġeb assolutament xejn!

Qal biss li “din kienet ċessjoni li saret qabel sirt Prim Ministru, u dak kollu li ġie rappurtat huwa spin”. Iżda b’mod konvenjenti qed jaħrab milli jgħid li f’dak il-perijodu kien membru Parlamentari u anke konsulent legali tal-Awtorita tal-Ippjanar.

Net News staqsa sensiela ta’ mistoqsijiet lil Robert Abela b’rabta ma’ dan il-każ xokkanti, f’okkażjoni rari li deher quddiem il-ġurnalisti, hekk kif qiegħed jagħmel minn kollox biex jevita li jiffaċċja domani.

Imma anke din id-darba baqa’ ma wieġeb assolutament xejn.

Net News – Liema huma d-deals l-oħra li għandek ma’ Christian Borg apparti dawk b’rabta ma propjetà?

Robert Abela – Semmejtli jekk kienx hemm tranżazzjonijiet oħra ta’ propjetà ma Chris Borg…. diġa weġibt li dik kienet l-unika waħda

Il-mistoqsija kienet ċara – kellek deals oħra li mhumiex ta’ propjetà? Abela ħarab.

Net News – F’kemm il-deals oħra ta’ propjetà kont involut waqt li kont konsulent legali tal-Awtorita tal-Ippjanar?

Robert Abela – Id-dokumentazzjoni uffiċjali tikkonferma kwalunkwe tranżazzjoni li kont involut fiha

Id-dokumentazzjoni li qed irreferi għaliha Abela mhux ċara liema hi, u fl-ebda ħin ma ppubblikaha, iżda din hi dikjarazzjoni li tikkonferma li hemm deals oħra li kien involut fiha waqt li kien konsulent tal-PA. Abela wera biċ-ċar li qed jaħbi aktar.

Net News – Ilbieraħ lill-kollega għidtlu li ċ-ċifra ta’ €45,000 (qligħ fuq id-deal ma’ Chris Borg) mhux korretta. Tista tgħidilna x’inhi ċ-ċifra?

Robert Abela – Rigward iċ-ċifra tirriżulta mill-kuntratt uffiċjali.

Gidba sfaċċata. L-ebda kuntratt ta’ propjetà ma juri kemm tkun għamilt qligħ mill-bejgħ tagħha. Reġa’ ma weġibx.

Net News – Kumbinazzjoni li dħalt fix-xena f’dan id-deal fl-istess ġurnata li ħareġ il-permess?

Robert Abela – Mill-bqija spin…. u għalhekk ħa ndur għad-domanda dwar il-greylist.

Għal xi raġuni anke din il-mistoqsija, Abela ma weġibhiex.

Il-mistoqsijiet l-oħra li staqsa Net News u li Abela għażel konvenjentement li jinjora kompletament kienu: “Normali li tagħmel deals ta’ propjetà ma klijenti tiegħek bħall-‘biċċa plot ta’ Ħaż Żabbar?’ Tlabt lill-pulizija tinvestiga ħalli tnaddaf ismek?

Abela, dawn il-mistoqsijiet, ma weġibhomx.