Elezzjoni 2022 Għawdex Lokali Proposti 2022

“Islifni l-fiduċja biex nagħtik futur aħjar” – Bernard Grech

"Islifni l-fiduċja biex nagħtik futur aħjar" - Bernard Grech

Islifni l-fiduċja biex nagħtik futur aħjar. Din il-mixja tista’ tibda mill-għada li nivvutaw fis-26 ta’ marzu li ġej.” – Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien intervistat minn Karl Buttigieg fin-Nadur, Għawdex f’attività taħt it-tinda bit-tema ‘Miegħek. Għal Malta’.

Meta mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Għawdex, hekk kif għal ġimgħa oħra reġa’ jinsab fil-Gżira Għawdxija, Bernard Grech saħaq li l-Għawdxin huma għal qalbu ħafna. Hu semma’ kif Għawdex minn dejjem kien għal qalb il-PN u sellem lill-Ministri tal-Passat, Anton Tabone u Giovanna Debono filwaqt li sellem il-memorja tal-mibki Frederick Azzopardi.

Il-Kap tal-PN kif Gvern Nazzjonalista għamel numru kbir ta’ proġetti għall-gżira Għawdxija matul is-snin u stqarr li dejjem “emminna fl-Għawdxin… investejna f’Għawdex u għadna naħsdu l-frott tal-investiment fil-gżira Għawdxija sal-lum. Irridu nemmnu fil-potenzjal enormi ta’ Għawdex li jsir ċentru ta’ sostenibbiltà, sofistikazzjoni industrijali u sbuħija naturali fir-reġjun kollu.”

Bernard Grech tkellem dwar il-merħba sabiħa li kellu miż-żgħażagħ fl-aħħar sigħat fil-Junior College, fil-Belt Valletta u f’San Ġiljan. Il-Kap tal-PN saħaq li filwaqt li għandna Prim Ministru li qed jinħeba, hu m’għandu ebda problema jkun fil-pubbliku, jiltaqa’ u jiddiskuti man-nies.

Meta kien qed jitkellem dwar iż-żgħażagħ, Bernard Grech reġa’ fakkar f’waħda mill-proposti tal-PN, li jibni campus tal-MCAST ġdid f’Għawdex fejn apparti li jiżdiedu il-korsijiet offruti jiġu introdotti korsijiet ġodda f’diversi oqsma marbutin mal-għaxar setturi ġodda li ser jinvesti fihom Gvern ġdid tal-PN.

Il-Kap tal-PN semma’ wkoll kif jekk ikun fdat fit-tmexxija tal-pajjiż, se jkun qed jibni branka dedikata tal-Malta Enterprise b’unità ta’ appoġġ għall-promozzjoni tal-investiment dirett lokali u barrani f’Għawdex. “Miriam Dalli kienet kritikatna għax qalet li ħabbarna xi ħaġa li teżisti diġa. Aħna qed ngħidu li aħna nagħmlu xi ħaġa li taħdem tassew u mhux xi ħaġa li teżisti biss.”

Waħda mill-proposti prinċipali tal-PN għal Għawdex tirrigwarda l-aċċessibiltà fejn jitkabbar il-port tal-Imġarr u tiżdied il-flotta tal-vapuri permezz ta’ tnejn ġodda. Wieħed minn dawn il-vapuri jkun dedikat għall-merkanzija u jieħu post il-vapur Gried. Nerġgħu nintroduċu servizz regolari u ta’ kuljum tal-merkanzija lejn il-Port il-Kbir. Bernard Grech saħaq li ser isiru l-istudji kollha neċessarji f’termini ekonomiċi, ambjentali, soċjali u oħrajn bi tħejjija għall-proġett tal-link permanenti bejn Malta u Għawdex kif ukoll servizz bl-ajru bejn iż-żewġ ġżejjer.

Waħda mill-proposti tal-PN għal Għawdex hija dik ta’ Kunsill Reġjonali għal Għawdex. Bernard Grech saħaq li jrid li jagħti lil Għawdex Kunsill Reġjonali elett mill-Għawdxin b’poteri eżekuttivi u bil-finanzi kollha neċċessarji biex jatwa inizjattivi u proġetti. Il-Kap tal-PN fakkar kif filwaqt li l-PN welled il-Kunsilli Lokali, Gvern Laburista neħħilhom kull poter. “Aħna konna l-partit tas-sussidjarjetá… aħna konna li bdejn l-Kunsilli Lokali. U aħna se nkunu li se nkomplu nagħtu aktar fiduċja lin-nies… it-tmexxija f’idejn in-nies.”

Meta tkellem dwar is-settur tas-saħħa, Bernard Grech qal li Gvern immexxi minnu immedjatament iwaqqaf il-privatizazzjoni tal-uniku sptar f’Għawdex u dan ma jibqax f’idejn Steward, “minflok inwettqu programm kapitali massiv għall-iżvilupp, ta’ Sptar Ġenerali ġdid ta’  400 sodda f’Għawdex.”

Bernard Grech kien mistoqsi dwar il-mijiet ta’ ħaddiema li huma mpjegati ma’ kuntratturi filwaqt li jagħmlu xogħol għal Gvern fosthom mijiet fil-Community Work Scheme li huma impjegati ma’ kumpanija tal-General Workers Union, oħrajn mal-Gozo Channel. Numru kbir ta’ carers, security, clerks u ħafna oħrajn. Dawn kollha qed jaħdmu ma’ kuntrattur li jħallas il-paga minima lill-ħaddiema iżda minn għand il-Gvern jieħu ferm iżjed.

Hawnhekk Bernard Grech, bl-aktar mod ċar saħaq li l-wegħda tiegħu għal dawn il-ħadiema hija ċara għaliex “mhux talli ħadd mhu ser jitlef postu ma’ Gvern immexxi minni iżda talli tiġu direttament mal-Gvern u l-ħlas li bħalissa qed imur għad il-kuntrattur jiżdied mal-paga taghkom.” Filwaqt li din id-dikjarazzjoni intlaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku preżenti fin-Nadur, il-Kap tal-PN qal li “aħna ma nidħkux bikom u irridu li jkollkom l-aqwa kundizzjonijiet possibbli u li tagħtu s-sehem tagħkom biex dan il-pajjiż jimxi ‘l quddiem.”

Fid-dawl tal-fatt tal-problema li nħolqot lil numru ta’ familji f’din il-lokalita’ meta areas kbar daħlu bħala registration area mil-lejl għan nhar u kawża t’hekk numru ta’ familji setgħu jitilfu l-propjeta’ tagħhom, Bernard Grech qal li Gvern immexxi minnu ser joffri soluzzjoni fl-ewwel ġimgħat tiegħu fejn “nassiguraw li kull familja jkollha moħħa mistrieħ li l-art u l-bini tagħhom jibqa’ tagħhom u jkunu jistgħu jittrasferuh bla problemi ta’ xejn.”

Meta mistoqsija dwar il-pożizzjoni tiegħu dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, Bernard Grech saħaq li r-riżultat fir-referendum kien ċar u f’soċjetà demokratika ħadd ma jista’ jinjora riżultat ta’ proċess demokratiku bħal ma hu referendum. Bernard Grech saħaq dan kollu jirrispettah imma appella biex kulħadd jimxi mil-liġijiet.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-aħħar żviluppi bil-greylist tal-FATF, li filwaqt li Zimbabwe ħarġet minn din il-lista, Malta tibqa’ l-unika pajjiż fl-Ewropa li ninsabu fil-lista. Il-Kap tal-PN reġa’ tenna l-wegħda ċara tiegħu, li Gvern ġdid tal-PN joħroġ lil pajjiżna minn din il-lista fi żmien tliet xhur. “Irridu nibnu mill-ġdid ir-reputazzjoni tagħna. Għalhekk għandna bżonn viżjoni fit-tul għal Malta u 10 setturi ekonomiċi ġodda li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista”, qal Bernard Grech.

U hekk kif il-Prim Ministru qed jevità lill-ġurnalisti u jaħrab minn dibattitu, Bernard Grech fakkar kif għandna Prim Ministru li ddeċieda hu meta ssir l-elezzjoni u għadu dal-lum mingħajr programm elettorali. Dan filwaqt li qed joħroġ proposti li jkunu kkupjati mill-programm elettorali tal-PN, u oħrajn li qed ikunu serjament kritikati minn diversi Korpi Kostitwiti.

Bernard Grech staqsa għalfejn il-Prim Ministru qed jibqa’ jaħrab mill-ġurnalisti u għalfejn qed jibqa’ ma jwieġeb għall-ebda domanda fuq diversi temi fosthom id-deal li għandu mal-allegat kriminal Christian Borg.

Il-Kap tal-PN saħaq li pajjiżna verament għandu bżonn par idejn sodi fit-tmexxija fejn stqarr li “din hi elezzjoni kruċjali għal futur ta’ pajjiżna u ta’dawk għeżież għalina. Jekk ma’ rridux li aktar minn uliedna u miż-żgħażagħ tagħna jibqgħu jitilqu minn pajjiżna għax mhumiex jaraw futur fih, din l-elezzjoni hija opportunita’ biex nibdlu dik ir-rotta.”

F’messaġġ b’saħħtu, Bernard Grech appella u saħaq li “mhux il-politiċi kollha huma l-istess u mhux kulħadd qiegħed fil-politika għar-raġunijiet il-ħżiena. Qattajna l-aħħar għaxar snin nisimgħu u llum niġu quddiemkom b’umilta’ u nwegħdkom li għalkemm m’aħniex perfetti, aħna lesti li mmexxu lil dan il-pajjiż ‘il quddiem u nkattru l-ġid li fuq kollox irid jitqassam b’mod ġust u b’mod li ħadd ma’ jibqa’ lura.”