Futbol Sport

Liverpool inaqqsu d-distakk mal-leaders u jistennew id-derby ta’ Manchester

Liverpool kisbu rebħa minima iżda importanti f’Anfield Road fuq West Ham United u fejn huma naqqsu d-distakk mal-liders Manchester City ( iċ-Champions Ingliżi attwali ) għal tliet punti biss. Dan wara li ż-żewġ tims lagħbu 27 logħba kull wieħed. Intant, ir-Reds ta’ Jurgen Klopp qed jistennew b’ansjetà id-derby tallum bejn City u Manchester United fl-Etihad Stadium – u meta rebħa għas-Citizens tpoġġihom mill-ġdid bħala l-favoriti għar-rebħ ( mill-ġdid) tal-ogħla kampjonat. Madankollu, il-logħba tallum żgur mhix se tkun faċli għat-tim ta’ Pep Guardiola meta Man Utd (attwalment fir-raba’ post tal-klassifika) qed jissieltu bis-sħiħ għal post mal-ewwel erba’ tims tal-kampjonat. Dan ukoll waqt li r-Red Devils qed jaħsbu biex ipattuha lir-rivali eterni ta’ Manchester wara t-telfa ( 0-2) ta’ Novembru kontra City f’Old Trafford. Intant, il-logħba f’Anfield kienet maqsuma sakemm Liverpool kisbu l-vantaġġ wara 27 minuta logħob. Il-gowl tal-logħba wasal minn Sadio Mane li kien pront biex jikkonkludi għal ġewwa wara li l-ballun ġie f’saqajh fuq il-volley ta’ Alexander-Arnold. Madankollu, West Ham kellhom sensiela ta’ kontra-attakki perikolużi u żewġ opportunitajiet ta’ skor tajbin — b’Manuel Lanzini jispara għoli minn quddiem il-lasta u b’Naby Keita jinxteħet biex jimblokka t-tentattiv ta’ Michael Antonio li kien indirizzat għal-lasta ta’ Alisson.

Harvey Barnes skurja l-uniku gowl tal-konfront bejn Leicester City u Leeds United (1-0) fil-King Power Stadium biex kompla jkabbar l-inkwiet għall-Yorkshiremen. Din kienet l-ewwel logħba għal Leeds taħt il-gwida tal-manager Amerikan Jesse Marsche li ħa post l-imkeċċi Marcelo Bielsa u fejn mill-ġdid kellhom ibaxxu rashom lill-avversarji minkejja titjib fuq il-wirjiet preċedenti. Barnes wera l-kwalità tiegħu fis-67 minuta b’tentattiv li sab ir-rokna tax-xibka u wara li Leeds kienu qed juru l-aħjar ideat. Fil-fatt, Leeds kienu perikolużi tul il-logħba fejn adottaw sistema ta’ hard pressing li kienet nieqsa taħt Bielsa u fejn marru qrib diversi drabi minn Jack Harrison, Rodrigo, Junior Firpo u Raphinha.

Aston Villa taw waħda mill-aħjar wirjiet tal-istaġun fejn ġabu fix-xejn lil Southampton, 4-0, f’Villa Park – b’din tkun anki l-ewwel telfa għas-Saints wara sitt logħbiet. Il-Brażiljan, Philippe Coutinho, ħadem l-ewwel żewġ goals tal-Villains skurjati minn Watkins (9) u Douglas Luiz (44), bl-istess plejer jagħmilhom tlieta mill-viċin ( 52) mal-bidu tat-tieni taqsima. Żewġ minuti wara, Danny Ings ( eks Saints) għeleb lil Forster għar-raba’ darba b’xutt angolat u b’Villa, minn dak il-ħin, jagħżlu li jikkontrollaw ir-riżultat, b’Southampton rari jheddu l-lasta ta’ Martinez.

Chelsea għelbu lil Burnley 4-0 f’Turf Moor bil-gowls jaslu kollha fi spazju ta’ 22 minuta fit-tieni taqsima. Din kienet l-ewwel logħba għall-Blues mindu s-sid biljunarju ta’ Chelsea, Roman Abramovich, ikkonferma li qed ibiegħ lill-klabb u meta bħalissa għaddejjin it-trattativi relatati bejn Abramovich u s-sidien ġodda potenzjali. Fl-ewwel taqsima, Burnley marru viċin minn Westwood u Dwight McNeil iżda t-tieni 45 minuta kienu diżastrużi għall-Clarets b’Reece James jiżblokka r-riżultat fis-47 minuta u bl-attakkant internazzjonali Ġermaniż, Kai Havertz jiskorja doppjetta bejn it-52 u l-55 minuta. L-isfida ta’ Burnley sfumat minn dak il-ħin, b’Pulisic (70) jgħaqqad il-poker bir-raba’ u l-aħħar gowl għal Chelsea li b’hekk ikkonsolidaw it-tielet post fil-Premier League Ingliż.

Brentford temmew sekwenza ta’ tmien logħbiet mingħajr rebħa fil-Premier Ingliż wara li għelbu lil Norwich City, 3-1, f’Carrow Road. Ir-riżultat ifisser lil-Canaries jinsabu eqreb li jitilfu posthom mal-kbar, b’Ivan Toney jiskorja hat-trick stupend għall-Bees, li issa jinsabu sitt punti ‘il fuq miz-zona l-ħamra. Toney fetaħ l-iskor fit-32 minuta wara knock-down ta’ Ajer fuq il-korner ta’ Eriksen, bl-istess plejer jiskorja l-ewwel penalty fit-52 minuta wara l-fawl ta’ Gibson fuq Jansson. Sitt minuti wara, Toney twaqqa’ fil-kaxxa minn Gibson u fejn ma żbaljax mill-ħdax-il metru. Il-gowl tal-bandiera għal Norwich wasal minn Teemu Pukki fit-tieni minuta tal-ħin miżjud.

Newcastle skurjaw darbtejn f’żewġ minuti fir-rebħa 2-1 fuq Brighton u meta l-Geordies issa ilhom tmien logħbiet mingħajr telfa fil-Premier Ingliż. Għalkemm is-Seagulls fetħu aħjar, kienu Newcastle li sabu x-xibka minn Ryan Fraser (12) b’Fabian Schar jirdoppja żewġ minuti wara fuq il-freekick tal-istess Fraser. Brighton stinkaw biex jidħlu fil-logħba u kmieni fit-tieni taqsima Lewis Dunk irnexxielu jnaqqas il-marġni minn korner. Iżda dan il-gowl kien biss konsolazzjoni, b’Newcastle jiddefendu l-vantaġġ minimu sal-aħħar. Wolves, b’sorpriża, sfaw megħluba f’darhom, 0-2, minn Crystal Palace bit-tamiet tagħhom għal kwalifikazzjoni fl-Ewropa jieħdu daqqa ta’ ħarta kbira. Palace iddominaw l-ewwel ħinijiet u meritatament marru fil-vantaġġ minn Jean-Philippe Mateta (19) li sammar ġewwa wara xogħol tajjeb minn Conor Gallagher u Wilfried Zaha. Fl-34 minuta kien imiss lil Zaha li jsib ix-xibka permezz ta’ penalty għall-fawl ta’ Kilman fuq Schlupp – bir-reazzjoni minn Wolves tkun pjuttost fjakka, għalkemm il-gowlkiper ta’ Palace, Guaita, xorta kellu jagħmel saves tajbin fuq it-tentattivi ta’ Podence u Chiquinho.