Futbol Sport

Luqa relegati, Pembroke promossi

Chris Cassar

Luqa……………………..0

St. Andrews………….2

Luqa: P. Villar Flores, V. Olowoyo Kayode, A. Muro Hernandez, J. Micallef, M. Farrugia, A. Camilleri, R. Schembri, K. Degiorgio, F. Lufi, L. Mallia, A. Sant

St. Andrews: M. Montfort, J. Sixsmith, M. D’Alessandro, Z. Camilleri, N. Bradshaw, A. Nilsson, K. Sano, Z. Muscat, A. Borg Olivier, M. Muscat, L. Borg

Referee: Slawomir Olucha

It-tim tal-qiegħ Luqa sofra telfa oħra, it-tnax-il waħda dan l-istaġun, meta ġew megħluba minn St. Andrews bl-iskor ta’ 2-0. B’din it-telfa Luqa SA ġew matematikament relegati għall-Amateur League. Il-partita kienet waħda ferm kwieta, b’Luqa ftit li xejn ikunu perikolużi fl-attakk, u bil-logħob jiġi iddettat kważi kollu minn St. Andrews, li għaldaqstant kisbu rebħa meritata. B’hekk St. Andrews issudaw posthom fin-nofs tal-klassifika u ‘l bogħod mir-relegazzjoni.

L-ewwel gowl tal-partita wasal fl-20 minuta meta Sixsmith għadda lejn il-Ġappuniż Sano Kei, li dar tajjeb ma’ żewġ difensuri u kkonkluda fix-xibka b’xutt bid-dawra.

It-tieni gowl wasal fit-72 minuta minn azzjoni ferm veloċi. Inizjalment kien Borg li seraq ballun lid-difiża ta’ Luqa u bidel il-logħob fuq in-naħa l-oħra tal-grawnd billi qassam lejn Muscat. Muscat seta’ ittanta xortieh b’xutt lejn il-lasti iżda ipprefera jqassam ċentrali lejn Alexander Nilsson, li kien żmarkat u ma kellu ebda diffikulta’ jixħet fix-xibka.

St. Andrews kellhom ċans jgħamluhom tlieta minut mit-tmiem meta x-xutt minn freekick minn tarf il-kaxxa tas-sostitut Martinez għadda jħakkek mal-mimduda.

Melita jkomplu jimbuttaw ‘l isfel lil Vittoriosa

Melita…………………3

Vittoriosa……………0

Melita: R. Caruana, M. Debattista, M. Cachia, N. Cutajar, J. Galea, A. de Barros, M. Vella, J. Abela, H. Konno, A. Messina, NF Omondi

Vittoriosa: R. Marmara, A. Cassar, K. Mercieca, E. Grech, E. Ayorinde Tejumola, A. Oularbi, J. Farrugia, M. Formosa, D. Sowatey, Q. Bregman, E. Schembri

Referee: Ezekiel Barbara

Ir-relegazzjoni ta’ Vittoriosa dan l-istaġun tidher inevitabbli wara li s-Sibt wara nofsinhar sofrew telfa oħra, il-ħames waħda konsekuttiva, din id-darba kontra Melita. Il-logħba ftit li xejn kellha storja u Melita kienu fil-kontroll mill-bidu sat-tmiem. Id-difiża ta’ Melita ftit li xejn kellha x’tagħmel u t-tim tal-Kottonera kien kostantament taħt attakk.

Melita fetħu l-iskor wara 19-il minuta logħob, meta kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn id-difensur Sowatej u l-gowlkiper Marmara, u Noel Francis Omondi ħataf l-okkażjoni biex seraq il-ballun, qabeż żewġ difensuri u kkonkluda f’lasti vojta. Ħames minuti wara, Omodni reġa kien f’pożizzjoni ideali u kellu ċans tad-deheb li jirdoppja l-vantaġġ, iżda l-kross fid-direzzjoni tiegġu min-naħa ta’ Konno ġie interċettat minn Marmara.

It-tieni gowl għal Melita wasal fit-53 minuta, meta Omondi niżżel tajjeb kross ta’ Cutajar u qassam ċentrali lejn Hiroya Konno, li ma sab ebda diffikulta’ li jixħet fix-xibka minn distanza qasira. Vittoriosa soffrew it-tielet gowl kwarta mit-tmiem. Kien Konno li beda l-azzjoni u sab lil Matthew Debattista żmarkat fuq ix-xellug, li b’faċilta’ kbira għadda bejn żewġ difensuri ta’ Vittoriosa u sab ir-rokna tax-xibka b’xutt fil-baxx, minkejja l-isforzi ta’ diversi difensuri li ppruvaw itajjru l-ballun minn fuq il-linja.