Ambjent Lokali

Protesta oħra kontra l-Gvern f’Birżebbuġa

Appell biex Wied Żnuber jibqa’ kif inhu

Għadd ta’ persuni nġabru fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ San Pietru f’Birżebbuġa b’appell biex Wied Żnuber jibqa’ kif inhu.

Bħalissa Wied Żnuber jinsab mhedded minn proġett li se jinvolvi radam estensiv tax-xagħri, strippa twila ta’ tarmak, bini ta’ clubhouse u tniġġis qawwi bid-dawl u l-istorbju li se jeqirdu s-serenità tal-wied u tal-irdum.

Intqal li l-proġett mistenni jsir f’sit li parti minnu, u biswit tiegħu, huwa Natura 2000; jiġifieri sit li l-awtoritajiet stess jagħrfu li huwa ekoloġikament sensittiv. Fih hemm annimali protetti, veġetazzjoni importanti u anka siti storiċi.

Numru ta’ persuni tkellmu dwar kif Birżebbuġa ma tiflaħx aktar żvilupp bla kontroll, u li art li sservi biex ħafna jmorru biex jistrieħu u jqattgħu ftit ħin mal-familja tibqa’ sservi dan l-għan. Kelliema oħra spjegaw kif l-iżvilupp qed iħalli impatt kbir fuq is-saħħa mentali, u li jeħtieġ li l-ambjent u l-pajsaġġ Malti nħarsuh. Dan apparti theddida fuq bdiewa li hemm fiz-zona.

Il-pjan għal dan il-mitjar tħabbar ftit tal-ġimghat ilu wara l-iffirmar ta’ ftehim bejn l-aġenzija tal-Gvern INDIS u assoċċjazzjoni tal-mudelli tal-ajruplani. Il-kelliema qalu li ħadd ma kien ġie ikkonsultat dwar dan il-proġett li mistenni jkollu impatti ambjentali u soċjali kbar.

Għal dan l-appell kienu assenti l-Kunsilliera Lokali tal-Partit Laburista f’dan il-lokal.