Lokali

Wara li għamel u-turn Robert Abela jgħid li m’għamilx u-turn

Wara li għamel u-turn fuq il-bejgħ tal-passaporti lir-Russi issa Robert Abela qed jipprova jikkonvinċi lin-nies li din ma kinitx u-turn.

Sa mill-ewwel sigħat minn mindu bdiet l-aggressjoni fuq l-Ukrajna mit-truppi ta’ Putin Abela kellu appelli minn kull naħa biex iwaqqaf b’mod immedjat il-bejgħ tal-passaporti lil ċittadini Russi. Din il-pressjoni saret kemm mill-Partit Nazzjonalista kif ukoll minn entitajiet oħra f’pajjiżna. Abela kien qed jisfida saħansitra lill-Unjoni Ewropea li kienet ċara ferm meta qalet li skemi simili għandhom jitwaqqfu minnufih fil-konfront ta’ persuni Russi.

Imma Abela kaxkar saqajh għal ġranet sħaħ u kien biss wara aktar minn ġimgħa li fl-aħħar iddikkjara li kien se jwaqqaf b’mod temporanju dan il-bejgħ.

Imma mistoqsi waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar din il-u-turn tiegħu fl-aħħar ħin, Abela wieġeb li din ma kinitx u-turn. U mistoqsi jekk din is-sospensoni tikkonfermax li skemi bħal dawn jistgħux ikunu ta’ theddida għal Malta wieġeb “ma naqbilx anzi bil-kontra”.