F’temp mill-isbaħ għal dan iż-żmien tas-sena, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qatta’ nofstanhar fil-lokalità ta’ Tas-Sliema fejn kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ ħafna persuni li kienu fl-akwati kif ukoll ma’ diversi sidien ta’ ħwienet.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita kellu l-opportunita jiltaqa’ ma’ diversi familji li qasmu miegħu bosta ħsibijiet dwar dak li għaddej bħalissa fil-pajjiż, fosthom l-effett li qed tħalli fuqhom l-għoli tal-ħajja.
Bernard Grech tkellem ukoll mas-sidien ta’ ħwienet fejn seta’ jifhem aħjar il-ħtiġijiet tagħhom, u tenna li Gvern ġdid immexxi minnu se jkun l-ispalla għan-negozju tagħhom. Dan fost l-oħrajn billi jnaqqas ir-rata tat-taxxa tan-negozji għal 15% fuq l-ewwel €500,000 profitt li jinżammu fin-negozju.
Huwa fakkar kif Gvern ġdid Nazzjonalista se jwessa’ l-faxxa ta’ eżenzjoni mill-VAT għal 60,000 ewro, fejn spjega li din tfisser tnaqqis qawwi ta’ burokrazija ….u allura, li s-sidien tan-negozji ikunu jistghu jqattgħu aktar ħin mal-familji tagħhom. Matul iż-żjara f’Tas-Sliema, Bernard Grech kien akkumpanjat minn martu AnneMarie kif ukoll diversi kandidati li se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Aqra iktar dwar diversi proposti tal-PN mill-Programm Elettorali ‘Viżjoni għal Malta 2030’:
- Mekkaniżmu ġdid ta’ kif jitkejjel il-ġid f’pajjiżna li ma’ jkunx biss iddeterminat mill-indikaturi ekonomiċi bħal Prodott Gross Domestiku (GDP) iżda jkun kompost minn firxa ta’ indikaturi li jkejjlu l-benesseri tas-soċjeta u tal-komunitajiet tagħna.
- Titnaqqas ir-rata tat-taxxa fuq il-qligħ tan-negozji, konformi mal-ESG, għal 15% fuq l-ewwel €500,000 profitt li jinżammu fin-negozju. Dan biex jinċentiva aktar investiment fl-intrapriżi tagħna.
- Min jispiċċa bla xogħol: l-ewwel tnax-il xahar ta’ wara li l-persuna tiġi qiegħda ser tirċievi benefiċċju ekwivalenti għall-paga minima biex ngħinuhom jitħarrġu u jsibu impjieg li jrendi. Hekk nerġgħu nagħtu lura d-dinjità, ma’ nħallux kultura ta’ qagħad tiżviluppa, filwaqt li ninċentivaw aktar taħriġ u speċjalizzazzjoni.
- Skema ta’ appoġġ għall-ħaddiema u s-self-employed li jkollhom jieqfu mix-xogħol għal perjodu relattivament twil minħabba mard serju. Dan il-programm ikun jinkludi benefiċċju finanzjarju, kreditu tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali lill-ħaddiema u lil min iħaddem, u appoġġ personalizzat ta’ terapija.
- Kull sena l-gvern iżid 50,000 metru kwardu ta’ art pubblika (li hi art tal-Gvern) maż-żoni meqjusin barra miż-żona ta’ żvilupp.
- Sabiex art li hija barra miż-żona ta’ żvilupp tiddaħħal fiż-żoni tal-iżvilupp ikun jinħtieġ il-vot ta’ żewġ terżi tal-Parlament.
- Indirizzata il-konġestjoni u nnaqqsu l-vetturi li jaħdmu bil-fjuwil mit-toroq u nappoġġaw il-mobbiltà moderna u nadifa billi: Għotja ta’ €10,000 mifruxa fuq 5 snin biex inħajru aktar familji jeħilsu mill-vettura qadima tagħhom, bil-kundizzjoni li ma jerġgħux jiksbu vettura oħra tul il-perjodu.
- Gvern Nazzjonalista jagħti rifużjoni tal-VAT sa €3,000 fis-sena lis-sidien tad-djar, għal kull post, fuq ix-xogħlijiet kollha li jindirizzaw materjalment in-newtralità klimatika u jnaqqsu l-konsum tal-enerġija b’mod ippruvat. Il-massimu tar-rifużjoni tiżdied għal €6,000 fil-każ tal-familji li jinkludu pensjonant(a) jew persuna b’diżabbiltà.