Illum il-Ħadd kien ikkaratterizzat bid-dimostrazzjonijiet kontra l-gwerra tal-Ukrajna fid-diversi bliet tar-Russja…Dan waqt li aktar ċivili Russi qed joħorġu fit-toroq biex isemmgħu leħinhom kontra l-invażjoni tal-artijiet Ukreni mill-qawwiet tal-Kremlin, bl-aħħar rapporti jgħidu li, illum, il-pulizija ta’ Vladimir Putin arrestaw viċin l-4,000 dimostrant fid-diversi bliet Russi.
F’Moska spiċċaw taħt arrest xi 1,700 fost l-2,500 li ħarġu jipprotestaw fil-kapitali. Intant, l-arresti komplew f’San Pietruburgu — il-belt ta’ Putin — fejn ukoll saru l-mijiet kbar tal-arresti.
U għalkemm is-sistemi ripressivi tal-Istat Russu qed jagħmluha diffiċli ħafna biex id-dimostranti jesprimu l-fehmiet tagħhom b’mod pubbliku, ħarġu xorta ammont impressjonanti ta’ Russi fl-ibnadi l-oħra tal-pajjiż u fejn mijiet minnhom ukoll inżammu mill-pulizija.
Il-Ministeru għall-Intern Russu qal li l-arrestati ttieħdu lejn l-għasses tal-pulizija għal interrogazzjoni u mhux eskluż li mijiet minn dawn id-dimostranti, ‘il quddiem, ikunu suġġetti għal proċessi tal-qorti.
Skont il-websajt OVD-Info favur id-drittijiet umani, talanqas 11,000 dimostrant madwar ir-Russja spiċċaw taħt arrest fost il-protesti kontra l-gwerra li ilhom għaddejjin mill-Ħamis, l-24 ta’ Frar — il-jum meta r-Russja bagħtet it-trankijiet u t-truppi lejn l-artijiet Ukreni.
//= $special ?>

