Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ifalli tentattiv ieħor għal evakwazzjoni minn Mariupol

Fl-aħħar sigħat ukoll kien hemm tentattiv ieħor għall-evakwazzjoni ta’ ċivili mill-belt ta’ Mariupol, fin-nofsinar tal-Ukrajna, u fejn qed tiżviluppa traġedja umana.  Madankollu – u wara li kien tħabbar waqfien mill-ġlied u tentattiv ġdid għal evakwazzjoni – il-kunsill tal-belt ikkonferma li t-tamiet li jinħarġu ċ-ċivili minn hemmhekk reġgħu sfumaw.

Il-kelliema f’Mariupol qalu wkoll li l-evakwazzjoni taċ-ċivili qed tidher impossibbli minħabba li r-Russi ma jridux jieqfu mill-bumbardamenti tal-inħawi. Dan meta Mariupol kważi għalqet ġimgħa mingħajr ilma, dawl u sistemi ta’ sanitazzjoni – u meta r-residenti qed jispiċċawlhom l-ikel u x-xorb.

Fi żviluppi oħra, il-Gvern tar-Renju Unit ħareġ b’kundanna oħra għal Vladimir Putin, li qal qed jippersisti bil-gwerra tiegħu ‘fuq il-familji Ukreni’. Kelliema għall-Gvern Britanniku qalu li l-qawwiet Russi qed iwieġbu għar-reżistenza tal-Ukreni permezz ta’ attakki militari u speċifiċi fuq iz-zoni mimlijin biċ-ċivili fl-ibliet prinċipali tal-Ukrajna.