L-ammonti tar-refuġjati li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna kapaċi jaqbżu sew il-1.5 miljuni, skont l-aġenzija UNHCR – l-entità tan-Nazzjonijiet Uniti b’responsabbiltà għar-refuġjati.
Sadanittant, il-Kap tal-UNHCR, Filippo Grandi, ikkonferma li dan hu l-akbar movement – jew kriżi – ta’ refuġjati li qegħdin naraw fl-Ewropa mit-tmiem tat-Tieni Gwerra ‘il hawn.
Issa, ħarġu kalkoli li kważi 1.5 miljuni ħarbu diġà mill-Ukrajna u mindu l-qawwiet tar-Russja invadew lil dan il-pajjiż tnax-il jum ilu.
S’issa, qed jidher li l-Polonja aċċettat ‘il fuq min-nofs tar-refuġjati mill-Ukrajna waqt li pajjiżi oħra bħall-Ungerija u r-Rumanija wkoll qegħdin jieħdu l-mijiet tal-Ukreni li jridu jaħarbu mill-bumbardamenti kontinwi ta’ pajjiżhom mill-qawwiet Russi ta’ Vladimir Putin.
Intant, mhux ir-refuġjati kollha qed jagħżlu li jibqgħu fl-ewwel pajjiżi li jaċċettawhom – b’eżempju tipiku ta’ dan qed jidher fir-Rumanija.
Fil-fatt, minn fost il-200,000 Ukreni li waslu fir-Rumanija waqt l-ewwel tmien ġranet tal-gwerra, talanqas 140,000 telqu biex jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra, Dan meta skont il-UNHCR għad fadal talanqas 60,000 refuġjati Ukreni fl-artijiet Rumeni.
Is-sitwazzjoni wriet ukoll li l-pajjiżi Ewropej tal-Lvant li jaqsmu fruntiera mal-Ukrajna qegħdin iservu bħala ‘l-ewwel waqfa’ għall-għexieren tal-eluf tal-Ukreni li qegħdin jaħarbu mill-gwerra u li ħafna minnhom qed jippjanaw biex jibnu ħajja ġdida fil-pajjiżi eqreb iċ-ċentru tal-Ewropa.
//= $special ?>

