Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna:  Putin jinsisti li l-attakki jieqfu biss ladarba jintlaħqu d-domandi ta’ Moska

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, għamilha ċara li pajjiżu jwaqqaf biss l-invażjoni tal-Ukajna jekk il-Gvern fi Kiev jieqaf mill-ġlied u jintlaħqu d-domandi kollha ta’ Moska ‘għall-bidliet fl-Ukrajna’.

Filwaqt li aktar eluf ta’ familji Ukreni qegħdin ibatu mill-ħruxija tal-gwerra, Vladimir Putin enfasizza l-pożizzjoni tiegħu waqt telefonata lill-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan

Sadanittant, Putin u l-Kremlin ta’ Moska għadhom jinsistu li l-invażjoni tal-Ukrajna għandha tkun ikkalkulata bħala ‘impenn militari speċjali’ u mhux invażjoni ta’ pajjiż ġar.

Dan waqt li Putin qed jenfasizza li l-kampanja kienet neċessarja għall-eliminazzjoni tal-kultura u elementi Nażisti fl-artijiet Ukreni. Intant, Vladimir Putin ma produċa qatt il-provi li teżisti l-kultura Nażista fl-Ukrajna – bil-Gvern ta’ Kiev u l-Punent isostnu li l-President Russu qed jippreżenta kull tip ta’ skuża biex jiġġustifika d-dmija bla sens li qed iwettaq.

Fl-istess ħin – u minkejja li r-Russi qed jitilfu s-suldati bil-mijiet waqt l-invażjoni – Vladimir Putin qal li l-offensiva fuq l-Ukrajna miexja ‘eżatt skont il-pjan’. Hu kien tkellem bl-istess mod anki fl-aħħar ġimgħa minkejja li l-analisti militari tal-Punent kollha qablu li l-kampanja militari ta’ Putin qed issib ħafna intoppi minbarra li mhix sejra tajjeb ‘daqskemm kien mistenni’

U filwaqt li Erdogan – waqt it-telefonata – appella għal waqfien mill-ġlied totali fl-Ukrajna, il-President Putin esprima tama li n-negozjaturi Ukreni li qed jieħdu sehem fit-taħditiet jaddottaw ‘atteġġjament aktar kostruttiv’ fid-djalogu.