Lokali

Imnedi programm edukattiv mużikali biex jitkattar it-tagħrif mużikali f’pajjiżna

Is-Soċjetà Filarmonica Nazionale La Valette flimkien mal-Fondazzjoni ‘Save A Life’ se jkunu qegħdin joffru tagħlim mużikali bla ħlas lit-tfal Beltin u tfal oħra b’interess għat-tgħalim lejn il-mużika bil-għan li jibqa’ jitkattar it-tagħrif mużikali kif ukoll li s-Soċjeta Filarmonika La Valette tibqa’ ssostni r-rwol tagħha fil-komunita’.

Dan il-proġett ġie mfassal waqt il-pandemija u se jkun qed jibda issa li bdejna ħerġin mir-restrizzjonijiet.

Jonathan Grima, President tas-Soċjetà, irringrazzja lil Fondazzjoni Save A Life b’mod speċjali lil Claudio Grech u l-mara tiegħu tal-għajnuna u l-appoġġ li dejjem sabu minn għandhom. Is-Surmast Sean Anthony Scicluna, taħt is-sorveljenza tas-Surmast Direttur Mro Dominic Darmanin, ħadmu matul is-sena biex jgħallmu t-teorija u l-prattika.

Claudio Grech qal li “dan il-proġett huwa riflessjoni tal-għanijiet li għalihom waqqafna il-Fondazzjoni Save A Life. Il-ħidma fil-komunitajiet tagħna hija l-akbar saħħa li għandna kontra t-tkattir tad-dipendenzi u l-indifferenza fis-soċjetà. L-appoġġ tagħna lil dawn l-għaqdiet qiegħed iwassal biex inkunu nistgħu nilħqu aktar u aktar tfal u żgħażagħ biex inħeġġuhom jagħmlu għażliet sani u formattivi, permezz ta’ aktar ħidma fil-komunita.”