Futbol Sport

Man City jegħlbu lil Man Utd fid-derby u jerġgħu jiftħu vantaġġ ta’ sitt punti fuq Liverpool

(Ritratt: EPA)

Manchester City kisbu rebħa kbira, 4-1, fuq Manchester United fid-derby biex reġgħu fetħu vantaġġ ta’ sitt punti fuq Liverpool. Ir-rebħa kienet partikularment importanti għas-Citizens li għad iridu jiltaqgħu mar-Reds fl-Etihad Stadium u meta huma, għalissa, lagħbu logħba aktar mit-tim ta’ Jurgen Klopp. Sadanittant, kien mistenni ħafna aktar minn Manchester United li qasmu l-logħob mal-avversarji fl-ewwel 45 minuta anki jekk daħlu jistrieħu bi żvantaġġ minimu. Dan minkejja li Ralf Rangnick, il-manager tar-Red Devils, niżel għal din il-logħba kontra ċ-Champions Ingliżi mingħajr plejers regolari bħal Cristiano Ronaldo, Luke Shaw, Edinson Cavani u Rafael Varane. Man City damu biss ħames minuti biex jiftħu l-iskor meta Kevin de Bruyne approfitta mill-indeċiżjoni ta’ Harry Maguire biex jegħleb lill-gowlkiper de Gea mill-viċin wara taħwida fil-kaxxa.

United, imbagħad wettqu reazzjoni u Jadon Sancho (22) kiseb parità momentarja b’xutt bid-dawwra għall-angolu tax-xibka. Iżda minn dak il-ħin il-logħba reġgħet daret favur City, b’de Bruyne (28) jerġa’ ipoġġi lit-tim tiegħu fil-vantaġġ fuq rebound wara t-tentattivi ta’ Foden u Grealish fi spazju ta’ ftit sekondi. Fit-tieni taqsima, City żiedu l-intensità u meritatament żiedu l-iskor fit-68 minuta meta Riyad Mahrez sammar fir-rokna tax-xibka b’volley preċiż fuq il-korner ta’ de Bruyne – bil-ballun jaħbat ma’ Maguire qabel spiċċa ġewwa. Ir-reazzjoni ta’ United kienet fjakka u fid-disgħin minuta Mahrez sab ruħu żmarkat biex jiskorja r-raba’ gowl għal City. Il-gowl kien ikkonvalidat mill-VAR xi minuti wara – u wara li l-ballun kien ħabat ma’ wiċċ de Gea fuq ix-xutt mill-viċin tal-attakkant Alġerin.

Arsenal qabżu lil Man Utd fir-raba’ post tal-Premier Ingliż b’rebħa, 3-2, fuq Watford f’Vicarage Road. B’dan ir-riżultat, il-Hornets għadhom it-tieni mill-aħħar b’19-il punt biss minn 27 logħba. Il-Gunners marru fil-vantaġġ fil-ħames minuta meta Martin Odegaard kien involut f’one-two veloċi ma’ Bukayo Saka, bin-Norveġiż isib ix-xibka fuq is-suġġeriment ta’ sieħbu Watford, imbagħad, wieħbu bl-aħjar gowl tal-logħba, b’Cucho Hernandez (11) jiġbed l-applawż tal-partitarji preżenti b’volley akrobatiku ( fuq il-kross ta’ Femenia) li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Ramsdale, Arsenal irritornaw fil-vantaġġ man-nofs-siegħa meta Saka seraq il-ballun lil Cleverley u sab lil Lacazette qabel ġera għar-‘return pass’ biex ipoġġi lit-tim tiegħu fil-vantaġġ għat-tieni darba.

Intant, Saka – il-plejer tal-logħba – kien involut mill-ġdid fit-tielet gowl, b’Lacazette jipprovdi assist għal Gabriel Martinelli (52) li mill-ġdid ma żbaljax quddiem Foster. Tliet minuti mill-ħin, Moussa Sissoko ikkontrolla l-ballun fuq sidru u qabeż lil Ben White qabel għamel l-iskor 3-2 – iżda din kienet l-aħħar azzjoni denja ta’ nota, bil-Gunners jamministraw il-vantaġġ minimu sal-mistrieħ.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ: Leicester v Leeds 1-0, Aston Villa v Southampton 4-0, Burnley v Chelsea 0-4, Newcastle v Brighton 2-1, Norwich v Brentford 1-3, Wolves v C’Palace 0-2, Liverpool v West Ham 1-0 Illum: Watford v Arsenal 2-3, Man City v Man Utd 4-1 Għada: Tottenham v Everton 9.00pm