Elezzjoni 2022 Lokali

“Miegħek nistgħu nagħtu futur isbaħ lil uliedna” – Bernard Grech

“Miegħek nistgħu inġibu l-bidla. Miegħek nistgħu nagħtu futur isbaħ lil uliedna. Miegħek nistgħu nsibu s-soluzzjonijiet. Irridu ningħaqdu lkoll flimkien bħal ma għamilna kull darba li pajjiżna sejħilna. Ningħaqdu għal uliedna. Nissaħħu għall-pajjiżna. Ejja naħdmu għal malta li dejjem xtaqna. Din hi sfida għat-tela’ imma konvint li miegħek nistgħu nagħmluha. Għaliex konvinti li miegħek għal malta se naslu.”

Messaġġ pożittiv u b’saħħtu mill-Kap tal-PN Bernard Grech waqt l-Ħadd waranofsinhar indirizza Mass Rally li sar fin-Naxxar. Bernard Grech qal li kien il-Partit Nazzjonalista li ħoloq setturi ekonomiċi ġodda meta kien fil-Gvern u għadna qed ingawdu minnhom illum il-ġurnata. Fejn l-edukazzjoni minn dejjem kienet settur importanti għal pajjiżna.

Huwa qal li mal-Partit Nazzjonalista kulħadd jaf fejn qiegħed għax preżentajna l-viżjoni tagħna. Partit li ressaq abbozz… għamel programm elettorali li qed jiżviluppa ma’ kull jum li jgħaddi. Programm elettorali li sar wara li kien hemm diskussjoni mal-imsieħba soċjali kollha. Dan kollu huwa xhieda ta’ Partit ħaj li kontinwament jisma’ u jaġixxi. Min-naħa l-oħra għandna Gvern li għadu mingħajr programm elettorali.

Bernard Grech qal li għandna Prim Minsitru li huwa rrabjat… inkwetat… jaħrab lill-ġurnalisti. Robert Abela li hu moħbi f’kampanja elettorali. Robert Abela li mar il-Junior College waħdu bil-media tiegħu biss. Robert Abela li kif tistaqsih dwar Joseph Muscat ma jweġibx. Meta tistaqsih dwar Christian Borg ma jweġibx. Jibża’ mill-verita u mit-trasparenza.  Ma jiddejjaq xejn ipoġġi wiċċ ġurnalist fuq billboard fl-istess leġislatura li fiha nqatlet ġurnalista. Prim Ministru li mhux qed iħoss il-weġgħat tan-nies… Prim Ministru li huwa maqtugħ mir-realtà. Prim Ministru li qed jibqa’ jaħrab minn dibattitu mal-Kap tal-PN Bernard Grech.

Huwa qal li fil-politika għandna bżonn politiċi li jiddeċiedu u mhux Prim Ministru li ma jiddeċidix. Prim Ministru li kellu jċedi għall-pressjoni tal-Partit Nazzjonalista. Fuq naħa hemm programm elettorali b’saħħtu u fuq in-naħa l-oħra għandna biss baħħ.

Huwa qal li Malta għandha bżonn politka b’viżjoni… politika tas-soluzzjonijiet. Għall-PN l–importanti s-sutanza.. li nibqgħu konsistenti.. viżjoni li hija l-mediċina li għandu bżonn f’pajjiżna biex jerġa’ jikseb lura r-reputazzjoni li tixraqlu.

Dwar l-evalwazzjoni tal-FATF huwa qal li dawn kienu sinjali pożittivi iżda mhumiex kawża li niċċelebraw. Dan hekk kif pajjiżna qatt ma missu ġie greylisted. Huwa qal li Robert Abela ħoloq il-problemi u issa qed jistenna li nirringrazzjawh talli beda jsolvihom. Saħaq li l-progress li rreġistrajna huwa primarjament grazzi għas-sagrifiċċji kbar li qed isiru min-negozji, il-professjonisti u dawk li jaħdmu fis-settur. Fakkar kif Malta għadu l-uniku pajjiż tal-Unjoni Ewropea fuq il-greylist. Quddiem dan kollu huwa biss il-PN li se jibni mill-ġdid ir-reputazzjoni tagħna… viżjoni fit-tul għal Malta u 10 setturi ekonomiċi ġodda li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista.

Dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna Bernard Grech qal li għandna nuru s-solidarjeta tagħna mal-poplu Ukren. Il-Partit Nazzjonalista kien immedjat fl-azzjoni tiegħu u appella lill-Gvern Malti biex iwaqqaf l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti lil ċittadin Russi li jkollhom skopijiet li jinfiltraw fl-UE. Iżda quddiem dan kollu għandna Prim Ministru li ħalla lil ħaddieħor jiddeċiedi għalih.

Dwar is-settur tal-edukazzjoni, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista huwa sinonimu mal-edukazzjoni hekk kif l-edukazzjoni minn dejjem kien settur għal qalb il-Partit Nazzjonalista.

Nagħmlu mill-edukazzjoni settur ekonomiku ġdid li jħaddan fih l-aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna bħala punt ta’ riferiment reġjonali tal-għerf, l-innovazzjoni u t-tagħlim u t-taħriġ f’setturi moderni f’industriji ġodda.

Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jtejjeb b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi fuq il-livelli kollha bil-għan li jiġu inċentivati aktar professjonisti biex jidħlu għal dan l-impenn kruċjali għall-futur tat-tfal tagħna. Dan se jsir permezz ta’ titjib sostanzjali fis-salarji, miżuri li jtejbu l-bilanċ bejn il-familja u l-professjoni kif ukoll inċentivi li jappoġġjaw it-taħriġ professjonali kontinwu.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jagħti l-ispinta mistħoqqa biex noħolqu ambjent li fih nassiguraw li l-edukaturi jitħallew jedukaw u mhux jinħlew jagħmlu xogħol burokratiku anċillari li jista’ jsir minn persuni oħrajn. Se jara wkoll li r-rispett lejn l-edukaturi jkun parti integrali mill-kultura edukattiva f’pajjiżna fejn anke l-iċken abbuż fil-konfront ta’ edukatur ma’ jkunx tolerat.

Bernard Grech qal li lill-ġenituri se nappoġġjawhom fil-formazzjoni tat-tfal tagħhom. Huwa qal li rridu li nkunu ta’ spalla għalikom f’dan il-mument daqstant eċitanti tat-trobbija bi skemi li jippermettu lill-ġenituri jitnaqqsulhom mid-dħul taxxabbli tagħhom kull miżata tal-edukazzjoni, ħlasijiet għall-attivitajiet ekstrakurrikulari kif ukoll dawk marbutin mal-isport.

Nifhmu li l-edukazzjoni mhijiex biss dik formali. Nemmnu bis-sħiħ fl-attivitajiet ekstra-kurrikulari li jkabbru lil kull individwu, u proprju għalhekk se nkunu qegħdin nagħtu għotja annwali ta’ €300 lill-ġenituri tal-istudenti iżgħar minn 18-il sena li jieħdu sehem f’xi programm ekstrakurrikulari strutturat tal-għażla tagħhom fl-isport, fil-performing arts, fil-kultura u fl-arti. Aħna għandna viżjoni ċara għal uliedna, li biex inħajru lill-istudenti tagħna jibqgħu jitħarrġu f’livelli ogħla, matul din il-leġiżlatura se nkunu qegħdin inżidu l-Istudents’ Maintenance Grants, l-istipendji, b’25%.

Bernard Grrch qal li din hi elezzjoni kruċjali għall-futur ta’ pajjiżna u ta’dawk għeżież għalina. Saħaq li jekk ma’ rridux li aktar minn uliedna u miż-żgħażagħ tagħna jibqgħu jitilqu minn pajjiżna għax mhumiex jaraw futur fih, din l-elezzjoni hija opportunita’ biex nibdlu dik ir-rotta. 

Il-Kap tal-PN saħaq li b’opportunitajiet f’setturi ġodda bħalma huma l-artificial intelligence, il-metaverse, 3D printing, esports…… Partit Nazzjonalista ħoloq setturi ġodda għall-ekonomija tagħna bħas-servizzi finanzjajri, gaming, farmaċewtika u l-avjazzjoni. 

“Biex il-programm elettorali jitwettaq teżisti ċavetta waħda biss..il-vot tiegħek u ta’ Maltin u Għawdxin oħrajn.  B’umiltà nħoss li ħaqqna l-opportunità li nbiddlu r-rotta ta’ pajjiżna.”