Wara li l-Gvern tal-Labour ċappas ir-reputazzjoni tal-pajjiż mal-erbat irjieħ tad-dinja, b’nuqqas ta’ governanza tajba fl-aħħar 9 snin, u b’impunità assoluta mill-kurituri ta’ Kastilja … issa Robert Abela sebaħ għat-tielet ġimgħa tal-kampanja elettorali – jattakka lis-sistema bankarja ta’ Malta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet mir-Rialtò f’Bormla, Abela attakka lill-banek lokali wara li pajjiżna spiċċa fuq il-greylist tal-FATF.
Wara tliet gimghat minn meta sejjaħ l-elezzjoni ġenerali, il-poplu Malti u Għawdxi għadu qed jistenna lil-Labour jippubblika l-manifest elettorali tiegħu.
Minflok, Robert Abela kompla jħabbar sensiela ta’ wegħdiet, uħud minnhom riċiklati, oħrajn ikkuppjati – fosthom Aġenzija Ċentrali għad-Due Diligence; proposta tal-Partit Nazzjonalista.
S’issa, Abela ghadu ma kkonfermax jekk il-manifest elettorali tal-Labour hux se jiġi ppubblikat jew le.
Mistoqsi dwar il-parteċipazzjoni tal-partitarji laburisti waqt l-attivitajiet tal-partit fil-kampanja elettorali, u l-apatija madwarhom, Robert Abela insista li l-parteċipazzjoni hija waħda tajba – minkejja n-nuqqas ta’ nies li qed jattendu meta kkumparati mal-attivitajiet tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat. Hawnhekk Abela għażel li jaqbad il-kriżi li hemm fil-Lvant tal-Ewropa bejn ir-Russja u l-Ukrajna u jagħmilha ballun politiku….fejn ta x’jifhem li hu l-mexxej ideali tal-pajjiż waqt gwerra. Minkejja li f’nofs pandemija kien bagħat lil kulħadd il-baħar u qal lil poplu biex ma jibżgħux mill-babaw.
Intant, il-ġurnalisti staqsewh dwar il-wiegħda ta’ tneħħiha tal-HomeWork mill-iskejjel wara li l-Union tal-Għalliema ddeskrivietha bħala insult għall-professjoni tal-għalliem.
Minn banda l-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlob sabiex din tiġi studjata ħalli ma jsir ebda pass populist – filwaqt li Abela għadu ma kkonsulta ma ħadd.
Intant Net News staqsa lil Robert Abela jekk din il-ġimgħa hux se jkun qiegħed jistieden lill-ġurnalisti f’avvenimenti oħra wara li fil-jiem li għaddew sejjaħ press call u litteralment ħarab ‘l hemm bil-ġirja ….b’Robert Abela jgħid li se jibqa’ jieħu d-domandi.
//= $special ?>