Elezzjoni 2022 Lokali

Abela jkompli jaħrab milli jgħid il-verità

Wara diversi ġimgħat li l-media indipendenti kixfet il-passat ta’ Robert Abela u d-deal li għamel mal-allegat kriminal Christian Borg, il-Mexxej Laburista kompla jaħrab milli jwieġeb u jgħid il-verità dwar dan id-deal skandaluż.

Fl-unika konferenza tal-aħbarijiet politika f’ġimgħa, il-ġurnalisti taw iċ-ċans lil Abela biex inaddaf ismu. Madankollu, hu baqa’ jwieġeb biss li qal biżżejjed. Barra minhekk, hu qal li din l-istorja hi spin tal-Partit Nazzjonalista meta d-dettalji qed ikunu żvelati mill-media indipendenti.

Mistoqsi speċifikament dwar sehemu bħala ‘middleman’ f’dan id-deal, Robert Abela ħarab milli jirrikonoxxi li d-deal sar meta kien Deputat Parlamentari.

Min-naħa tiegħu, ġurnalist ieħor staqsa lil Abela jekk hux lest jipparteċipa f’intervista mal-media, ladarba qed jibqa’ jinsisti li din l-istorja hi biss spin. Iżda anke hawn, il-Leader Laburista reġa’ ħarab milli jiddibatti billi qal li qed iwieġeb għal kull domanda li qed issirlu.

U meta mistoqsi dwar dan id-deal skandaluż minn NET News, Robert Abela lanqas biss lissen kelma waħda u ħarab għal kollox billi għadda għal mistoqsija mir-reporter tal-media Laburista.

Għaldaqstant, stennejna lill-Mexxej Laburista barra l-bini tar-Rialto, fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet. Hawn, komplejna nistaqsuh biex jiddikjara l-verżjoni tiegħu tal-verità , iżda hu ħarab billi daħal jiġri fil-karozza mdawwar minn ħafna membri tas-sigurtà.

L-atteġġjament tal-Leader qed jinkwieta lil ħafna, fosthom anke esponenti tal-Partit Laburista stess, li qed jibzgħu li l-passat ta’ Robert Abela qed itappan il-kampanja elettorali. Barra minhekk, ħafna qed jibżgħu li – ladarba ma jridx inaddaf ismu pubblikament – fil-Partit tista’ tirrepeti ruħha l-istorja tal-predeċessur tiegħu, li kellu jirriżenja f’nofs leġislatura minħabba l-iskandli li ħakmu lill-Partit u lill-Gvern Laburista.