Internazzjonali

“Alla mhux ħa jaħfer u mhux se jinsa” – Volodymyr Zelenskyy

“Alla mhux ħa jaħfer u mhux se jinsa”

Hekk ddikjara l-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy waqt li l-Ħadd filgħaxija kien qiegħed jindirizza lill-Ukreni li jagħmlu parti mill-knisja Ortodossa fi ħdan l-Ukrajna.

Kien waqt dan l-indirizz li l-President Ukren għamel referenza għall-każ li seħħ aktar kmieni din il-ġimgħa, meta familja ta’ erbgħa kienet parti minn tmien min-nies li spiċċaw maqtula waqt bumbardament Russu li seħħ fil-ħin li ppruvaw jaħarbu mill-belt ta’ Irpin fil-viċinanzi ta’ Kiev.

Zelenskyy kompla biex jgħid li wara mewtu l-bniedem jrid jagħti rendikont tal-azzjonijiet tiegħu lill-Alla, u b’hekk fakkar lir-Russja li jekk ma’ jinteresshomx mill-ġudizzju tal-bniedem, għada jew pitgħada jridu jgħaddu mill-ġudizzju ta’ Alla.

Ir-Russja rrimarkat li għat-tielet darba se terġa tipprova tiftaħ kurituri paċifiċi biex iċ-ċivili Ukreni jaħarbu mill-ibliet li qiegħdin jiġu bbumbardjati mir-Russja, li jinkludu bliet bħal Mariupol, Kharkiv, Sumy u Kiev. Il-kuritur paċifiku nfetaħ fis-7 am.

Madankollu Zelenskyy stqarr li l-uniku kurituri li r-Russja taf tiftaħ huma kuruturi tad-dmija.

Infatti f’temp ta’ minuti wara li tkellmu b’mod diplomatiku l-Ukrajna u r-Russja, l-flotta Russa kompliet tibbumbardja l-kosta tal-Baħar l-Iswed.

Sadanittant l-akbar tħassib għall-Gvern Ukren huwa l-fatt li l-kurituri paċifiċi se jinfetħu biss lejn il-Belarus u r-Russja, li jiġu l-aggressuri f’din il-Gwerra, bil-Gvern Ukren jiddikjara li dan il-kuritur ma’ huwa xejn ħlief finta diplomatika u psikoloġika fuq livell internazzjonali, biex r-Russja tagħti l-impressjoni li qiegħda tipproteġi liċ-ċittadini Ukreni. Dan filwaqt li fl-istess ħin żżomm liċ-ċittadini Ukreni ostaġġi waqt din il-gwerra llegali.