Elezzjoni 2022 Lokali

“Dħalt fil-politka biex ngħinek tgħix ħajja aħjar” – Bernard Grech

“Nistgħu ma naqblux fuq kollox, imma nistgħu naqblu li rridu nagħmlu l-aħjar deċiżjoni għall-pajjiż u iva nagħżlu lill-Partit Nazzjonalista biex inneħħu l-arroganza u ntejjbu l-pajjiż u nagħtu kredibiltà lil pajjiżna u reputazzjoni li jixraqilna. Aħna nemmnu li ħadd m’għandu jibqa’ lura” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien intervistat mill-ġurnalist indipendenti Luigi Sapiano, minn ‘Sidestreet Malta’, f’attività taħt it-tinda f’Birkirkara.

Matul din l-intervista bl-aktar mod ċar, Bernard Grech qal: “Jien ma dħaltx fil-politka biex inwettaq il-ħolm ta’ xi ħadd fil-familja tiegħi. Dħalt fil-politka biex inwettaq il-ħolm tiegħek u ngħinek tgħix ħajja aħjar.”

Meta mistoqsi kif se jidefinixxi s-suċċess ta’ din il-Kampanja Elettorali, Bernard Grech li jista’ jgħid li kem ilu Kap, għamel ħiltu biex isaħħaħ il-Partit. Tuirija ċara ta’ dan huwa l-mod li bih wera’ kemm kien preparat il-PN għall-elezzjoni ġenerali, fost l-oħrajn bi rogramm elettorali ċar li jagħti viżjoni għal pajjiżna. Ħaddieħor, sal-lum għadu mingħajr din il-viżjoni. Bernard Grech semma’ kif b’mod kontinwu, Robert Abela qed ikompli, b’mod kontinwu jikkopja, kważi kelma b’kelma, il-proposti tal-PN. “Evidentament li dawn m’għandhomx pjan, jattakkaw, ikunu negattivi u jikkupjaw.”

Il-Kap tal-PN saħaq li s-suċċess ma jitkejjilx biss minn numri, fil-politka dan trid tarah b’kemm tagħmel ħiltek u xi tħalli warajk, “s’issa għandi l-unur ngħid li l-partit mexa ‘l quddiem, mhux is-suċċess tiegħi l-importanti imma s-suċċess tal-poplu Malti. Din mhux elezzjoni tiegħi jew tal-partit imma elezzjoni tal-pajjiż biex nimxu ‘l quddiem” qal Bernard Grech.

Meta kien qed iwieġeb domandi dwar l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi f’pajjiżna, Bernard Grech saħaq li llum hu evidenti li kulħadd jaf li TVM huwa maħtuf minn Robert Abela. Il-Kap tal-PN saħaq li mhux qed jirreferi għall-ħaddiema, iżda għall-indħil minn Kastilja biex japprova kull ma jidher fuq l-istazzjonijiet tax-xandir nazzjonali. “Irridu naċċertaw li ħadd ma jerġa’ jaħtaf ix-xandir nazzjonali. Meta nkunu fil-Gvern se ntejjbu din is-sitwazzjoni”, qal Bernard Grech.

Bernard Grech tenna’ li l-ekonomija ta’ pajjiżna se tkun reżiljenti u varjata permez ta’ 10 setturi ekonomiċi ġodda u mhux se jkollna nibbażaw l-ekonomija ta’ Malta u Għawdex fuq il-bejgħ taċ-ċittadinanza tagħna. Il-Kap tal-PN saħaq li min irid jixtri l-passaport Malti bil-moħbi mingħajr ma jassoċċja ruħu ma’ Malta, taħt Gvern tal-PN, mhux ser ikun qed jingħata l-passaport. Hu saħaq fuq ‘link’ ġenwin, u fuq persuni li se jagħmlu l-ġid lil pajjiżna u mhux jitfawna f’riskju.

Il-Kap tal-PN kien mistoqsi dwar il-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ewropa. Hu saħaq li aħna pajjiż li nfittxu l-paċi, u jekk il-poplu jafdah, se jaċċerta li jkollna l-alleanzi meħtieġa biex ikollna s-sigurtà li jistħoqqilna. Bernard Grech fakkar kif Robert Abela għamel ġimgħa jkaxxkar saqajh, iddeċieda li ma jiddeċidix dwar l-applikazzjonijiet ta’ Russi biex jixtru ċ-ċittadinanza anke f’mument perikoluż. “Għalhekk importanti li jkollna mexxejja deċiżi. Il-messaġġ irid ikun ċar kif għamel Gvern tal-PN meta kien hemm il-kwistjonijiet tal-Libja. Dawn huma mexxejja ta’ stoffa, jieġdu deċiżjonijiet f’waqthom għall-ġid tal-poplu u tal-pajjiż.”

Mistoqsi dwar Konrad Mizzi, il-Kap tal-PN saħaq li Mizzi daħal fil-politka għar-raġunijiet ħżiena, iżda stqarr li għandu fiduċja li taħt Gvern Nazzjonalista, l-istituzzjonijiet se jkunu liberi u awtonomi. Bernard Grech saħaq li pero jinsab inkwetat li l-investigazzjonijiet dwar id-drone li intbagħat fuq id-dar tiegħu għadhom għaddejjin. “Jien se naċċerta li jekk inkun Prim Ministru, l-awtoritajiet ma’ jħarsu lejn wiċċ ħadd.”

Robert abela jridek temmen li l-politiċi kollha l-istess. Le. Il-politiċi mhux kollha l-istess, il-PN għandu kandidati li daħlu biex iservuk.” Bernard Grech semma’ li xhieda ta’ dan huwa l-programm ‘Ħerġin’ li qed jidher fuq Net Television u l-media soċjali kull nhar ta’ Ħadd fid-9pm. Programm li qed ilaqqana mal-kandidati tal-PN. “Għandna biss skop wieħed, li nagħmlu l-ġid u nservu lilek”, qal il-Kap tal-PN.

Fil-bidu ta’ din l-attività, Bernard Grech sellem il-memorja ta’ Sandra Shields, ħaddiema ta’ Media.link Communications li sfortunatament tilfet ħajjitha fl-aħħar sigħat.