Jidher li l-Gvern, inkiss inkiss, xeħet l-ispejjeż tal-għeluq tat-toroq u t-tneħħija tal-karozzi fost l-oħrajn taċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi, fosthom il-Ġimgħa l-Kbira u l-Irxoxt, fuq il-Parroċċi, il-Każini tal-Banda u l-għaqdiet tal-festi fiż-żmien li dawn l-attivitajiet ma kinux qed isiru kawża tal-pandemija.
Żvela dan l-President tal-Kulleġġ tal-Kappillani u l-Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, il-Kan. Mario Mangion, permezz ta’ post fuq Facebook.
“Li ma qalulnix hu li fl-aħħar sentejn, fi skiet, mingħajr ma qalu xejn, xi ħadd iddeċieda li l-Pulizija ma jibqgħux joffru is-servizz ta’ assistenza f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet (servizz ta’ clearance tal-Karozzi, u għeluq tat-toroq etc). Issa irriduna nibdew nħallsu għal dan is-servizz. Dan sibnih kollu ma wiċċna issa li erġajna bdejna naraw kif se nqumu fuq saqajna u norganizzaw xi ħaġa.”
Sal-2019, dan ix-xogħol kien isir mill-Pulizija iżda issa, l-Arċipriet spiċċa ntbagħat għand Transport Malta, li dawn bagħuh għan il-LESA li reġgħu bagħtuh għand il-Kunsill Lokali.
Il-Kan. Mangion ilmenta fuq in-nuqqas kbir t’effiċjenza u l-burokrazija żejda li qed jaffaċċja hekk kif wara li ddur id-dipartiment tal-Gvern, qajla ssib lil xi ħadd jagħti tweġiba u jerfa’ r-responsabbiltà tal-permess.
“Issa l-mumenti tal-verita biex inkun nafu min verament taħarqu qalbu għal festi…. issa irridu naraw min vera jħobb il-volontarjat. Mhux bizejjed ħafna regolamenti ġodda fuq il-finanzi, din jonqos biex l-għaqdiet tal-festa u għaqdiet li jaħdmu għal dawn ic-celebrazzjonijiet jieħdu l-aħħar daqqa…. spejjeż addizjonali fuq s-snin l-mgħoddija. Donnu għalxejn inħalsu t-taxxi għax xorta irridu nħallsu għas-servizzi mill-ufficcjali pubbliċi.”
Persuna oħra li rreaġixxa għall-kummenti tal-Arċipriet qal li l-organizzaturi tal-Festa ta’ San Ġużepp tar-Rabat ingħataw l-istess risposta u minn kalkoli li għamlu, il-festa esterna se tiġihom aktar minn €3,000 b’dawn l-emendi.
Membri ta’ Soċjetajiet Mużikali li tkellmu ma’ NET News qalulna kif dawk is-Soċjetajiet u l-Parroċċi li fl-istaġun ridott tal-festi fis-sajf li għadda kellhom jgħaddu minn din l-esperjenza hekk kif il-Pulizija fl-Għases qalulhom li qed jieħdu ħsieb il-bon ordni biss, u m’għadhomx jagħlqu t-toroq jew ineħħu l-karozzi mit-toroq.
Kellhom ikunu l-Kunsilli Lokali biss li jerfgħulhom ftit mill-ispiża li daħħalhom fiha l-Gvern hekk kif ipprovdewlhom l-uffiċċjali tal-LESA biex tingħalaq xi triq jew tnejn.
//= $special ?>