It-Tmexxija tal-Ukrajna bl-ebda mod mhi se taċċetta proposta ġdida mir-Russja għal waqfien mill-ġlied u li qed tfissirha bħala ‘insult’ u ‘pass li jirrifletti l-immoralità tal-Kremlin’.
Dan għaliex l-offerta tar-Russi biex iċ-ċivili Ukreni jaħarbu mill-bliet li jinsabu taħt bumbardament hi ‘valida’ biss jekk dawn iċ-ċivili jaqbdu r-rotot lejn il-Belarus – alleat kbir ta’ Moska. Intant, dawn iċ-ċivili għandhom ukoll ‘l-għażla’ li jivvjaġġaw lejn l-art tar-Russja proprja għal refuġju.
Għaldaqstant – u skont din l-offerta – ir-residenti fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, jistgħu, jekk iridu, jaqbdu ‘rotta sikura’ lejn il-Belarus, waqt li r-residenti fil-belt ta’ Kharkiv jistgħu jivvjaġġaw biss lejn ir-Russja.
U filwaqt li qed imutu dejjem aktar familji fost l-attakki tal-militar Russu, ir-residenti Ukreni f’Mariupol u Sumy jistgħu jaqbdu r-rotot ta’ sigurtà lejn xi bliet fil-Belarus – iżda ‘bil-patt li huma jtemmu dawn il-vjaġġi f’territorji kontrollati mir-Russja’.
//= $special ?>

