Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Zelensky jaħlef li jpattiha lir-Russi għall-atroċitajiet f’pajjiżu

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, għamilha ċara li r-Russi li wettqu u li qed jippersistu bl-atroċitajiet fuq iċ-ċivili Ukreni se jingħataw il-pieni li ħaqqhom. Zelensky enfasizza li l-Ukreni ‘mhuma se jinsew qatt u lanqas mhuma se jaħfruha lir-Russi’ għal din il-gwerra, filwaqt li akkuża lit-truppi ta’ Moska dwar ‘l-omiċidju premeditat tal-familji u ċivili Ukreni oħra’.

Il-President Ukren, li deher viżibbilment irrabjat, insista li ‘ir-Russi li wettqu r-reati kontra nies innoċenti mhumiex se jsibu l-paċi f’din l-art’. Fil-ħin tal-messaġġ, żdiedu r-rapporti li l-qawwiet tal-ajru u tal-art tar-Russja kienu qed jikkonċentraw l-attakki fuq l-iskejjel, l-isptarijiet u n-nurseries tal-Ukrajna.

Sadanittant,  il-Kremlin ta’ Moska baqa’ jinsisti li qed iwettaq ‘azzjoni militari speċjali kontra n-neo-Nażisti u elementi radikali fl-Ukrajna.’

Il-Viċi Prim Ministru tal-Ukrajna, Olha Stefanishyna, qalet li r-Russja għażlet li tattakka l-miri ċivili wara li l-Armata tagħha ħabbtet wiċċha ma’ reżistenza ‘li ma kenitx qed tistenna’ mill-qawwiet Ukreni, megħjuna minn voluntiera armati.