Internazzjonali

Il-Kremlin qed jinsisti li l-Ukrajna tirrikonoxxi l-Krimea bħala ‘art tar-Russja’

It-Tmexxija tar-Russja qalet li tista’ twaqqaf il-kampanja militari fuq l-Ukrajna ‘fi kwalunkwe ħin’, dment li l-Gvern fi Kiev jilqa’ u jaċċetta l-kundizzjonijiet ta’ Moska.

Dmitry Peskov, bħala l-kelliem ewlieni għall-Kremlin, sostna li l-Ukrajna, fuq kollox, teħtieġ tirrikonoxxi lill-penisola tal-Krimea bħala ‘art tar-Russja’. Dan waqt li l-Gvern Ukren ta’ Volodymyr Zelensky jeħtieġ jirrikonoxxi wkoll lir-reġjuni ta’  Donetsk u Luhansk bħala Stati indipendenti.

Ir-Russja kienet ħatfet il-Krimea lill-Ukreni fl-2014 u ġimgħat wara bdiet tappoġġja lis-separatisti ( favur Moska) fl-inħawi ta’ Donetsk u Luhansk.

Kundizzjoni oħra ta’ Moska hi biex l-Ukrajna temenda l-kostituzzjoni waqt li tiċħad kull aspettativa li xi darba tissieħeb f’alleanza tad-difiża bħal tan-NATO.

Dmitry Peskov kompla li r-Russja għandha tikkonkludi ‘id-demilitarizzazzjoni’ tal-Ukrajna u li ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha ta’ Moska, l-azzjoni militari fuq l-Ukrajna għandha tieqaf minnufih. Dan waqt li l-Kremlin baqa’ jgħid li r-Russja mgħandhiex tinsisti b’aktar jeddijiet territorjali fuq l-Ukrajna.