Il-MPE David Casa għamel appell lill-pajjiżi Ewropej biex jwaqqfu il-bejgħ taċ-ċittadinanza Ewropea.
“Wasal iż-żmien li pajjiżi Ewropej jagħlqu dan il-kapitlu, tal-mistħija, darba għal dejjem,” qal Casa f’seduta plenarja tal-Parlament Ewropew ġewwa Strasburgu.
Casa kkwota lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, meta qalet li “l-valuri Ewropej mhumiex għall-bejgħ”.
Casa spjega kif il-bejgħ tal-passaporti diġà għamel dannu kbir “fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni.” Kompla jgħid li dan il-bejgħ huwa “għodda” f’idejn dawk li l-aktar lesti jiksru l-liġi.
Issa li Putin invada l-Ukrajna, il-bejgħ tal-passaporti għandu jitwaqqaf b’mod mill-aktar urġenti peress li dan il-bejgħ kapaċi jfixkel l-isforzi tal-Unjoni Ewropea, li għada kemm daħħlet “sanzjonijiet bla preċedent” kontra l-gvern ta’ Putin.
Casa lmenta wkoll dwar kif wara “snin ta’ bejgħ tal-passaporti qed tiġi esposta id-dgħjufija tal-Unjoni Ewropea.”
Sakemm hemm oligarki viċin ta’ Putin, illi diġà kisbu ċ-ċittadinanza Ewropea, s-sanzjonijiet jistgħu jiġu evitati. Casa talab biex dawk li diġà “għaddew mit-tieqa biex daħlu fl-Ewropa” jiġu nvestigati bir-reqqa.
“Issa li din saret kwistjoni ta’ sigurtà, iż-żejjed kollu żejjed.”
Skont Casa, ir-riskji assoċjati mal-bejgħ tal-passaporti ġew injorati għal snin twal, u l-konsegwenzi issa bdew jinħassu. Casa ddeskriva l-iskema bħala “idea ħażina” li ġiet maħduma “mingħajr trasparenza li ma tistennihix li tkun parti ta’ programm ta’ gvern serju.”
Il-Parlament Ewropew kien diġà proklama ruħu kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza f’reżoluzzjoni li għaddiet fl-2014. Bosta Stati Membri, fosthom Malta, iddeċidew li jkomplu l-iskemi tagħhom.
Il-kwistjoni reġgħet infetħet wara li seħħet pressjoni fuq il-gvernijiet biex jieqfu jbiegħu passaporti lil ċittadini Russi u Belarussi wara l-gwerra fl-Ukrajna. Il-President tal-Parlament Ewropew Robert Metsola għamlet appell simili fil-bidu nett tal-invażjoni.
Il-ġimgħa li għaddiet, David Casa, fuq Twitter, talab lill-Prim Ministru Robert Abela biex jieqaf “jaqdi l-oligarkija ta’ Putin” permezz tal-iskema tal-passaporti. Ġimgħa wara li Putin ta l-ordni biex it-truppi Russi jinvadu l-Ukrajna, u wara ħafna pressjoni domestika u internazzjonali, il-Gvern Malti ħabbar li l-iskema taċ-ċittadinanza Maltija kienet sospiża għal persuni mir-Russja u l-Belarussja.
//= $special ?>