Edukazzjoni Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022

Il-PN jipproponi żieda fil-pagi tal-edukaturi, żieda fl-istipendji u għajnuna lill-ġenituri

"Komplu kunu parti minn din il-ħolma sabiex naraw pajjiż li jixirqilna; pajjiż li noħolmu; pajjiż li rridu." - Bernard Grech

“Il-Partit Nazzjonalista huwa sinonimu mal-edukazzjoni. L-edukazzjoni settur għal qalbna. Għandna track record mill-aqwa f’dan is-settur u preparati biex inkomplu nibnu u ntejbu dan is-settur tant kruċjali.” – Hekk saħaq il-Kap tal-PN Bernard Grech.

F’konferenza tal-aħbarijiet, Bernard Grech irringrazzja lill-għalliema tal-ħidma li wettqu tul il-pandemija u tal-ħidma li jwettqu kuljum fil-formazzjoni ta’ wliedna.  “Għamiltuha minkejja r-riskji għalikom u għall-għeżież tagħkom. Il-grazzi tagħna mhux se tkun bil-kliem biss, imma wkoll bil-fatti.  Ser nagħmlu bidla radikali fil-finanzjament tal-edukazzjoni fejn l-allokazzjoni għall-ispiża f’dan il-qasam ser tibqa’ tiżdied sena fuq oħra, ibbażata fuq formula li tkun marbuta mat-tkabbir fil-GDP tal-pajjiż.”

Il-Kap tal-PN wiegħed li b’mod sostanzjali jsir titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi fuq il-livelli kollha bil-għan li jiġu inċentivati aktar professjonisti biex jidħlu għal dan l-impenn kruċjali għall-futur tat-tfal tagħna. Dan ser isir permezz ta’ titjib sostanzjali fis-salarji, miżuri li jtejjbu l-bilanċ bejn il-familja u l-professjoni kif ukoll inċentivi li jappoġġjaw it-taħriġ professjonali kontinwu.

Gvern ġdid tal-PN ser iwessa’ it-tqassim tal-ikel frisk u bnin fl-iskejjel u jipprovdi nutrizzjoni aktar sana u strutturata fl-iskejjel primarji u sekondarji kollha, bil-għan ewlieni li jiħeġġeġ stili ta’ ħajja li tkun tajba għas-saħħa u kif ukoll tkun miġġielda l-obeżità minn etajiet żgħar.

Il-Kap tal-PN qal li Gvern immexxi minnu se jiftaħ skola sekondarja speċjalizzata ġdida kull sena “biex inħajru u nixprunaw iżjed tfal u żgħażagħ jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom fl-oqsma li jaspiraw li jirnexxu. Niżguraw li l-ewwel speċjalizzazzjonijiet ikunu fit-teknoloġija diġitali, il-metaverse u d-dinja virtwali, kif ukoll fit-teknoloġija tal-manifattura, r-robotika, fl-arti u l-kultura.”

Ser jitfassal u jitwettaq ‘Programm ta’ Eċċellenza fl-Apprendistat’ li permezz tiegħu “nissieħbu ma’ operaturi ewlenin li għandhom kapaċitajiet tekniċi ppruvati u rikonoxxuti.” Minbarra li jipprovdi l-qafas ta’ dan il-programm, fil-qafas operazzjonali tal-MCAST, il-PN, jekk jingħata l-fiduċja se jipprovdi krediti fiskali ta’ 200% għall-investimenti li jagħmlu l-operaturi industrijali fil-programm, li jkunu konformi mal-kriterji ta’ l-ESG.

Dan filwaqt li jkopri 35% tas-salarju tal-apprendisti ingaġġati, suġġett li jintlaħqu l-kriterji ta’ suċċess. Il-PN se jiftaħ numru ta’ ċentri edukattivi ta’ eċċellenza fis-setturi kollha, mhux biss akkademiċi iżda wkoll sportivi, kulturali u mużikali biex b’hekk nibnu ekosistema wiesgħa ta’ istituzzjonijiet edukattivi ffukati “biex isawwru t-talenti fit-tfal tagħna kollha.”Gvern ġdid tal-PN se jappoġġja lill-ġenituri fil-formazzjoni tat-tfal tagħhom u għalhekk “ser indaħħlu skemi biex ġenituri jkunu jistgħu jnaqqsu mid-dħul taxxabbli, kull miżata tal-edukazzjoni, ħlasijiet għall-attivitajiet extrakurrikulari kif ukoll dawk marbutin mal-isport.”

Il-PN se jipprovdi għotja annwali ta’ €300 lill-ġenituri tal-istudenti iżgħar minn 18-il sena li jieħdu sehem f’xi programm estra-kurrikulari strutturat u rreġistrat ma’ assoċjazzjoni konformi mal-ESG tal-għażla tagħhom fl-isport, fil-performing arts u fil-kultura u l-arti.

Bernard Grech saħaq li l-PN se jintroduċi inizzjattiva nazzjonali li tappoġġa lil kull persuna li tgħix f’Malta jfassal il-programm ta’ żvilupp tat-talenti tagħha fuq bażi personalizzata.

Ser jiddaħħal dritt ta’ study leave għal żmien l-eżamijiet għal dawk il-persuni li jkunu jaħdmu full-time filwaqt li jkunu qiegħdin jistudjaw għal kisba ta’ kwalifika minn MQF Level 5 ‘il fuq.

Bil-għan li jħajjar dejjem aktar studenti li jibqgħu jitħarrġu f’livelli ogħla, il-PN qed iwiegħed li jżid l-iStudents’ Maintenance Grants b’25%. L-istipendji jiżdiedu b’25% addizzjonali l-istipendju tal-istudenti li jwettqu volontarjat ma’ xi organizzazzjoni volontarja reġistrata, bħala rikonoxximent għall-kontribut tagħhom lis-soċjetà.

Ser jingħata vawċer ta’ €500 liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena għal ivvjaġġar sportiv jew kulturali, ħalli jwessgħu il-perspettiva sportiva u kulturali tagħhom.

Ser jissaħħaħ is-settur tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla f’qafas strateġiku biex ikun il-mutur ewlieni talattrazzjoni u l-ħolqien tat-talent lokali u internazzjonali li fuqu l-PN ser inkabbar s-setturi ekonomiċi ġodda.

Il-PN, ser jiftaħ numru ta’ ċentri edukattivi ta’ eċċellenza fis-setturi kollha, mhux biss akkademiċi iżda wkoll sportivi, kulturali u mużikali biex b’hekk jibni ekosistema wiesgħa ta’ istituzzjonijiet edukattivi ffukati biex isawwru t-talenti fit-tfal tagħna kollha.

Fuq kollox, Bernard Grech saħaq li PN fil-Gvern ser jagħmel mill-edukazzjoni settur ekonomiku ġdid li jħaddan fih l aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna bħala punt ta’ riferiment reġjonali tal-għerf, l-innovazzjoni u t-tagħlim u t-taħriġ f’setturi moderni f’industriji ġodda.

Il-Kap tal-PN fakkar kif 70% taż-żgħażagħ qatgħu qalbhom minn dan il-pajjiż u jridu jemigraw, “imma għax intom Maltin u Għawdxin, u jien nemmen fikom, bi Gvern Nazzjonalista taraw pajjiż li tridu terġgħu tirritornaw fih, sabiex bil-ħiliet kollha tagħkom tkomplu tagħmluh aħjar lil dan il-pajjiż. Tkomplu tkunu parti minn din il-ħolma sabiex naraw pajjiż li jixirqilna; pajjiż li noħolmu; pajjiż li rridu.”