Lokali

Jitlef ħajtu ż-żagħżugħ li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Baħrija

Robert Azzopardi ta’ 20 sena tilef ħajtu traġikament wara li kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu.

L-Inċident seħħ għall-ħabta tas-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħodu, fi Triq Bieb ir-Ruwa, il-Baħrija limiti tar-Rabat.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li iż-żagħżugħ tilef il-kontroll tal-vettura tat-tip Peugeot u b’konsegwenza t’hekk seħħ impatt ma’ siġra u nqalbet.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu, u ambulanza ħadet lix-xufier l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie iċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Madanakollu sfortunatament huwa tilef ħajtu jumejn wara minkejja l-isforzi kollha minn naħa tal-mediċi fl-Isptar Mater Dei.

Il-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.