Is-sitwazzjoni prekarja fl-Ukrajna ma tidhirx li se tinnormalizza ruħha fil-futur qarib, iżda dak li qed jiġri f’dan il-pajjiż li jinsab aktar minn 3,000km lil hinn minn xtutna, qed imiss il-ħajjiet ta’ miljuni ta’ persuni, uħud minnhom li għandhom qraba u ħbieb f’pajjiżna stess.
F’Malta, il-Konslu flimkien mal-komunità Ukrena f’pajjiżna għaddejjin b’ħidma bla heda biex jippruvaw itaffu t-tbatijiet tal-poplu li jinsab taħt assedju vjolenti mit-truppi ta’ Vladimir Putin.
Net News tkellem ma’ Alexia Melkanyon, li qed tikkordina l-ħidma tal-komunità u taħdem id f’id mal-Konslu Ukren f’Malta, fejn spjegat minn xiex qed jgħaddu dawk li qed jaħarbu l-pajjiż.
Melkanyon spjegat kif ċittadini Ukreni li qed jaħarbu mill-pajjiż assedjat jinsabu f’xokk totali u ma jistgħux jifhmu eżatt xi ġralhom. Hija qalet li ħafna minnhom jinsabu konfużi dwar fejn qegħdin u mbeżża’ ma jafux x’se jsir minnhom. Mijiet ta’ eluf ta’ Ukreni għadhom maqbuda fil-fruntieri mal-Ungerija, il-Polonja, s-Slovakkja u r-Rumanija, u ħafna minnhom tilfu kollox.
Il-maġġoranza ta’ dawk li qed jaħarbu, qalet Melkanyon, ħallew warajhom membri tal-familja tagħhom – missirijiet, aħwa, ulied. Hi ddeskriviet is-sitwazzjon bħala gravi ħafna.
Dan kollu qed iħalli impatt negattiv ferm fuq il-poplu Ukren.
Il-kordinatriċi, li hija hi stess psikologa, qalet li l-lat psikoloġiku huwa probabbilment l-agħar aspett, għaliex anke jekk is-sitwazzjoni tal-aggressjoni tissolva, l-impatt psikoloġiku se jibqa’ għal snin twal.
Melkanyon spjegat li dawk li qed jippruvaw jitilqu mill-Ukrajna qed isibu sfidi fl-ivvajaġġar, u l-awtoritajiet Maltin mhux qed jiffaċilitawlhom il-proċess.
Hi qalet li Ukreni bi qraba jew ħbieb f’pajjiżna qed iħabtu wiċċhom ma diffikultajiet kbar u burokrazija żejda. Dan anke għaliex il-Gvern sa issa għadu ma neħħiex lill-Ukrajna minn fuq il-lista l-ħamra tal-ivvjaġġar minkejja l-kriżi umanitarja.
Melkanyon spjegat kif l-awtoritajiet Maltin għadhom qed jeżiġu riżultat negattiv tal-Covid minn dawk ġejjin minn dan il-pajjiż, meta dawk li qed jaħarbu qed jagħmlu dan b’ta fuqhom senduqhom, u ħafna drabi bla flus.
Pajjiżi oħra mhumiex qed jitolbu lil dawn li qed jaħarbu mill-Ukrajna, għal test tal-Covid fl-isfond tas-sitwazzjoni serja fil-pajjiż.
Il-kelliema għall-komunità Ukrena faħħret ferm lil John Debono, Ambaxxatur Malti għall-Ukrajna, li kien strumentali meta provda maħżen f’Bulebel li qed tinuża biex tinġabar fiha l-għajnuna umanitarja li qed tintbagħat lill-poplu Ukren.
Intant, kemm l-Ukreni f’pajjiżna kif ukoll dawk li għadhom maqbudin hemm, qed jaraw ma’ wiċċhom realta’ xejn sabiħa.
Melkanyon qalet li l-affarijiet mhumiex qed jidhru sbieħ u t-tama li dan il-kunflitt jista’ jintemm fi żmien qasir hija minima filwaqt li qalet li kulħadd qed jittama li l-fażi l-aktar diffiċli ta’ din l-aggressjoni tispiċċa kemm jista’ jkun malajr qabel ma jikkrolla l-pajjiż kollu.
Hi spjegat li l-komunità Ukrena f’pajjiżna ingħaqdet permezz tal-media soċjali – kemm fuq Facebook, bil-paġna Ukrainians in Malta kif ukoll permezz ta’ mezzi oħra.
Il-ħidma tal-komunità u tal-konslu se tibqa’ għaddejja, u l-appelli għall-għajnuna jibqgħu fis-seħħ, biex il-poplu juri verament is-solidarjetà tiegħu ma’ dan il-poplu assedjat.
//= $special ?>