Dalgħodu tilfet ħajjtha Sandra Shields, impjegata ta’ Net Television li kienet ilha taħdem fid-Dipartment tas-Sales għal dawn l-aħħar sitt snin. Dan wara snin twal ta’ ħidma volontarja li għamlet kemm f’Net Television kif ikoll mal-Partit Nazzjonalista.
Sandra tibqa’ magħrufa għall-imħabba kbira li kellha lejn il-Partit Nazzjonalista u għall-ħidma bla waqfien li kienet tagħmel f’Net Television.

Hija tilfet ħajjitha wara battalja twila mal-marda tal-kanċer. Għalkemm Sandra kienet ilha xhur twal tiġġieled mal-kanċer, baqgħet sal-aħħar torganizza attivitajiet sabiex jinġabru fondi għal dawk li għaddejjin mill-istess tbatija.
Sandra kellha 56 sena u kienet toqgħod Ħ’Attard. Hija kienet miżżewġa lil Joe u kellha żewġ subien.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonlista Bernard Grech iddeskriva lil Sandra bħala mara ta’ qalb kbira fejn il-ġid li għamlet matul ħajjitha se jibqa’ f’qalb kulħadd għal dejjem.

F’post fuq il-media soċjali, Net Television sellem il-memorja ta’ Sandra… deskritta bħala persuna b’motivazzjoni kbira li kienet ta’ ispirazzjoni għal ħafna nies… persuna li baqgħet tiġġieled sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha biex tgħeleb il-marda tal-kanċer. Kienet persuna li dak li kienet temmen fih, kienet tagħmel dak kollu possibbli biex twettqu.

Il-ħaddiema kollha ta’ Media.Link Communications isellmu l-memorja ta’ Sandra filwaqt li jagħtu l-kondoljanzi lill-familja kollha.
//= $special ?>