Edukazzjoni Elezzjoni 2022 Lokali Proposti 2022

Il-PN se jżid l-iStudents’ Maintenance Grants b’25% u l-istipendji b’25% addizzjonali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kompla jiltqa’ ma’ aktar żgħażagħ, studenti u ħaddiema, din id-darba fl-Università ta’ Malta, fejn seta’ jkompli jifhem x’inhuma l-aspirazjonijiet tagħhom u anke dak li qiegħed jinkwetahom. Ħafna mill-persuni li tkellmu ma’ Bernard Grech spjegaw kif jippreferu li kollox jirritorna lura għan-normal malajr kemm jista’ jkun għaliex f’xi ħinijiet l-università qed tkun nieqsa mill-istudenti u mill-attmosfera li wieħed jistenna li jsib f’università. Oħrajn ideskrivew kif anke b’rabta ma’ miżuri tal-COVID-19 ma jafux fejn qegħdin. Hawnhekk Bernard Grech qal li importanti mmorru lura għan-normalità.Meta kien qed iwieġeb għad-domandi tal-media fi tmiem din iż-żjara, Bernard Grech reġa’ saħaq li ż-żgħażagħ, għall-PN, huma l-preżent u mhux biss il-futur ta’ pajjiżna u xhieda ta’ dan huwa l-programm elettorali li fassal il-PN u li ppreżenta lill-elettorat ftit sigħat wara li bdiet il-kampanja elettorali.

Kienu diversi dawk li faħħru l-proposta tal-PN li se jżid l-iStudents’ Maintenance Grants b’25%. Pero b’mod partikolari, intlaqgħet tajjeb ħafna l-proposta li jiżdied b’25% addizzjonali, l-istipendju tal-istudenti li jwettqu volontarjat ma’ xi organizzazzjoni volontarja reġistrata, bħala rikonoxximent għall-kontribut tagħhom lis-soċjetà.

Fid-dawl tal-fatt li ħafna minn dawk li tkellmu ma’ Bernard Grech spjegaw kif wara l-istudji tagħhom qed jippjanaw li jiltilqu minn pajjiżna, il-Kap tal-PN fakkar fil-proposta ta’ vawċer ta’ €500 liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena għal ivvjaġġar sportiv jew kulturali, ħalli jwessgħu il-perspettiva sportiva u kulturali tagħhom, biex imbgħad jirriornaw lura f’pajjiżna biex jibnu l-futur tagħhom.

Hawnhekk issemmew b’mod partikola l-10 setturi ekonomiċi ġodda li Gvern ġdid tal-PN ser jinvesti fihom. Setturi li laqtu ħafna lill-istudenti tal-università għaliex jidher ċar li dawn ser isaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna u jħallu aktar pagi li jrendu f’diversi oqsma differenti. Il-Kap tal-PN filfatt spjega kif ser jaċċerta li jagħmel mill-edukazzjoni settur ekonomiku ġdid li jħaddan fih l aspirazzjonijiet ta’ pajjiżna bħala punt ta’ riferiment reġjonali tal-għerf, l-innovazzjoni u t-tagħlim u t-taħriġ f’setturi moderni f’industriji ġodda.

Uħud mill-istudenti li tkellmu ma’ Bernard Grech saħqu li wara l-istudji tagħhom jixtiequ li jkunu jistgħu jixtru l-ewwel propjetà tagħhom u faħħru l-proposti konkreti li l-PN għandu għal dan is-settur. Filfatt, il-PN se jsaħħaħ l-politika dwar akkomodazzjoni affordabbli b’sistema ġdida tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali, li tvarja skont il-prezzijiet tad-djar. Il-PN se jiżgura wkoll li fejn jidħlu l-proprjetajiet residenzjali lesti, li jilħqu għadd ta’ standards bażiċi u bi prezz sa €120,000, ix-xerrejja ma jħallsux taxxa tal-boll, filwaqt li Gvern tal-PN jipprovdi sussidju għal-limgħax fuq is-self.

Dawk il-familji żgħażagħ li ma jkunux jistgħu jħallsu d-depożitu tal-10%, ser jingħataw għajnuna ta’ self mill-Gvern biex dan jagħmluh sa massimu ta’ €20,000, li jitħallas lura fuq perjodu massimu ta’ 30 sena. Dan filwaqt li l-inċentivi preżenti tal-first-time buyers isiru permanenti bl-ammont li fuqu ma titħallasx bolla jkun ta’ €400,000.

Liż-żgħażagħ, taħt l-eta’ ta’ 35 sena, li jkunu qed jixtru għall-ewwel darba, il-PN se jtihom sussidju li jkopri sa 2% tal-imgħax fuq is-self sa €250,000.

Fid-dawl tal-fatt li dawn iż-żgħażagħ jinsabu inkwetati bir-rata li biha qed togħla l-ħajja, u hekk kif jippjanaw li wara l-istudji tagħhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol, intlaqgħet tajjeb ħafna l-proposta li min jaqla anqas minn €20,000 ser jingħata kreditu ta’ taxxa ta’ 10% fuq l-ammont ta’ taxxa mħallas fis-sena ta’ qabel. Dan filwaqt li min jaqla bejn €20,000 u €40,000 jingħata kreditu ta’ taxxa ta’ 5% fuq l-ammont ta’ taxxa mħallas fissena ta’ qabel.

Gvern ġdid tal-PN ser jeżenta lill-istudenti jew lill-impjegati sa 21 sena li jaqilgħu inqas minn 60% tan-National Median Income, milli jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, bħala miżura ta’ appoġġ fil-bidu tal-ħajja tax-xogħol tagħhom.

Ma’ Bernard Grech tkellmu diversi studenti li qed jistudjaw fil-qasam tas-saħħa, fil-qasam soċjali u fl-edukazzjoni fejn kompla jispjega li minflok il-miljuni li qed jitberbqu bħalissa għas-salarji eżaġerati tal-positions of trust u direct orders, il-PN ser jagħti allowance lill-frontliners kollha, fosthom lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, dawk fl-oqsma soċjali, u lill-edukaturi, bħala bonus annwali ekwivalenti għas-salarju bażiku ta’ erba’ ġimgħat tal-impjegat rispettiv.

Il-PN qed jipproponi wkoll li joffri finanzjament għal scholarships lil studenti Maltin kif ukoll Ewropej residenti Malta, biex jagħżlu istituzzjonijiet li joperaw f’Malta li huma liċenzjati mill-Malta Further and Higher Education Authority. Din l-għajnuna finanzjarja tingħata b’mod ugwali u taħt l-istess kundizzjonijiet lill-istudenti kollha rrispettivament jekk jagħzlux istituzzjoni tal-gvern jew privata.

Jakkumpanjaw lil Bernard Grech waqt din iż-żjara kien hemm il-mara tiegħu AnneMarie, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino kif ukoll diversi kandidati għall-elezzjoni ġenerali.